Aġġornata: “Qed issir reviżjoni tal-att dwar l-inġiniera” – MAPE

L-Inġinier Arthur Ciantar, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Inġiniera Professjonisti (MAPE) stqarr ma’ Newsbook.com.mt li qed issir reviżjoni tal-Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija.
Huwa kien qed jitkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar il-laqgħa li kellha l-MAPE mal-Prim Ministru Joseph Muscat nhar il-Ġimgħa li għadda. L-Inġinier Ciantar stqarr li din hija l-ewwel laqgħa ta’ dan it-tip, hekk kif ġew diskussi materji li jikkonċernaw il-professjoni tal-inġiniera bħalissa.
Fil-każ tas-Site Technical Officers (STOs), l-Inġinier Ciantar sostna li inġiniera fl-irwol ta’ STOs m’humix jagħmlu l-funzjoni tagħhom ta’ inġiniera skont kif inhi definita fl-Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija. Żied jgħid li l-MAPE ma tista’ toffri l-ebda difiża lil dawk l-inġiniera li qed jaħdmu bħala STOs u jsibu ruħhom f’diffikultà. L-Inġinier Ciantar stqarr li l-MAPE wriet ix-xewqa li tkun kontributur f’kull stadju tal-proċess biex dan l-Att jiġi revedut.
X’inhu l-irwol ta’ STO?

Ir-regolamenti l-ġodda għat-twaqqigħ u l-iskavar f’siti ta’ kostruzzjoni jirreferu għal dak li qabel kien jissejjaħ “site manager”. Dan issa jissejjaħ “uffiċjal tekniku fuq is-sit” (site technical officer). Dan irid ikun preżenti fuq is-sit kull darba li jsir xogħol biswit propjetà ta’ terzi, u jwaqqfu jekk dan ma jsirx skont l-methods statement li għandu jkun sottomess mill-perit tal-proġett. 

Aqra: Mhux koperti bil-liġi l-inġiniera f’sit ta’ kostruzzjoni – MAPE

Filwaqt li għall-ewwel ir-regolamenti kienu jiddettaw li STOs għandhom ikunu periti, wara kien hemm emendi biex kull min jiggradwa b’Bachelor’s Degree in Construction Engineering mill-MCAST, jew fl-inġinerija mill-Università ta’ Malta, se jkun eliġibbli biex jaħdem bħala STO.

Aqra wkoll: