Qed issir pressjoni biex ma nibagħtux it-tfal l-iskola – ġenituri

Read in English.

Qed issir pressjoni indiretta biex il-ġenituri ta’ tfal li jbatu mill-allerġiji jew id-dijabete ma jibgħatuhomx l-iskola, skont l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti tal-Iskejjel Statali (MAPSSS).

Fi stqarrija, l-MAPSSS irreferiet għal rapport fil-midja fejn intqal li hemm skejjel fejn m’hemmx min jamministra mediċina essenzjali lil dawn it-tfal għax hemmx nies mħarrġa jagħmlu dan.

Dan qed iwassal għal sitwazzjoni fejn ġenituri qed issirilhom pressjoni indiretta biex ma jibagħtux it-tfal l-iskola – xi ħaġa li tmur kontra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti.” Qalet l-MAPSSS.

Il-ġenituri qalu li l-edukaturi u membri tal-amministrazzjoni għandhom rwol ta’ ġenitur meta t-tfal ikunu fdati magħhom biex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

L-MAPSSS kitbet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u lill-Kummissarju għat-Tfal biex tappellalhom jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjoni biex jindirizzaw il-każijiet speċifiċi li ħarġu fil-midja u l-każijiet ta’ tfal oħra li jbatu minn kundizzjonijiet ta’ saħħa li jkun jeħteġilhom rispons immedjat. 

MAPSSS appellat lill-Gvern biex ifassal Politika Nazzjonali li tiżgura, li f’każijiet simili, id-drittijiet tat-tfal ikunu rispettati.

Jiżdiedu l-persuni li għandhom id-dijabete tat-tip 2