​Qed inqattgħu iktar ħin fuq il-mowbajl

F’Malta, saru 807.6 miljun minuta ta’ telefonati fuq mowbajl is-sena li għaddiet. Din hi żieda ta’ 4.7% fuq il-volum tas-sena ta’ qabel.
Il-mowbajl kien l-iktar mezz ta’ komunikazzjoni popolari bl-abbonati tas-servizz jiżdiedu b’aktar minn 6% għal kważi 593,000.
Rapport tal-Awtorità tal-Komunikazzjoni juri li l-abbonati jippreferu jixtru iktar minn linja waħda, minflok jibdlu s-servizz. It-telefonati fuq mowbajl żdiedu riżultat ta’ offerti aħjar u rati orħos kull minuta.
Mill-banda l-oħra, it-telefonati fuq linji fissi naqsu b’7.7% fuq is-sena ta’ qabel. Dan minkejja li komplew jiżdiedu l-abbonati tal-linji fissi.
Inqas dħul għall-kumpaniji mit-telefonati
Minkejja li saru iktar telefonati bil-mowbajl, il-kumpaniji li jipprovdu s-servizz raw tnaqqis fid-dħul ta’ 2.2% għal kull persuna, minn €181.37 fl-2015 għal €177.38 fl-2016.
It-tnaqqis mid-dħul għal telefonati minn linji fissi laħħaq il-5.7% fuq is-sena ta’ qabel, minn €151.46 fl-2015 għal €142.77 fl-2016.