“Qed immutu, għinuna!” – l-appell ta’ 65 immigrant fl-ibħra Maltin

Read in English.

65 immigrant fl-ibħra Maltin qegħdin jappellaw għall-għajnuna hekk kif qed iħossuhom f’xifer il-ħajja, issa li l-ilma dieħel ġod-dgħajsa li jinsabu fuqha u hemm riħ qawwi.

L-għaqda Alarm Phone kitbet fuq Twitter ftit minuti ilu li reġgħet rċeviet talba ddisprata mingħand l-immigranti li jinsabu bejn sema u ilma, li qegħdin jgħidu li ħadd mhu jgħinhom u qed jibżgħu li se jmutu. Hija appellat lill-Forzi Armati ta’ Malta u lill-gwardjan tal-kosta Taljana sabiex ma jħalluhomx jegħrqu.

Milli jidher, il-mewġ fiż-żona fejn jinsabu huma huwa għoli żewġ metri u hemm riħ qawwi ħafna. Qed jidħol l-ilma fid-dgħajsa u l-magna mhix taħdem. Dalgħodu, mara abbord taha ħass ħażin. Alarm Phone qalet li Malta qed tinjora t-talbiet għall-għajnuna.

Dawn il-persuni ilhom jitħabtu mal-mewġ għal aktar minn 24 siegħa. Alarm Phone qalet li l-awtoritajiet Maltin mhumiex jaqbdu t-telefown.

Jidher li dan huwa każ differenti minn dak li għamlet appell dwaru l-għaqda Alarm Phone lbieraħ. Fuq Twitter, Alarm Phone lbieraħ qalet ukoll li Malta ma bdietx tirrispondi għat-talbiet għall-għajnuna għal 23 immigrant ieħor f’diffikultà.

Ftit tal-jiem ilu, Newsbook.com.mt staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela dwar il-qagħda tal-kampijiet ta’ detenzjoni fil-Libja, li l-Papa Franġisku xebbahhom ma’ kampijiet tal-konċentrament. Il-PM qal li Malta għandha relazzjoni tajba mal-Libja, u tixtieq tgħin lill-immigranti, imma l-prijorità ewlenija tibqa’ l-interess nazzjonali, u l-interess tan-nazzjon huwa li ma jiddaħħlux aktar immigranti Malta.