Qed ibellgħuha lin-nies li Malta ma tistax tgħaddi mingħajr dan il-bini kollu – KA

Skont il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent hemm min qed iħaxxen butu mill-bini esaġerat li jrid ibella’ r-ross bil-labra lin-nies li dan hu żvilupp li Malta ma tistax tgħaddi mingħajru għax hekk jitlob il-progress.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni (KA) qalet li l-iskyline Malti sar iddominat minn numru esaġerat ta’ krejnijiet li wieħed jistħajjilhom mostri medhija jieklu bla rażan l-ispazji u l-binjiet tal-ibliet u l-irħula.

Il-Kummissjoni staqsiet għaliex qed tisma’ tgergir fuq il-bini eċċessiv li qed jifni lil Malta jekk dan huwa żvilupp. “Żvilupp mhux suppost jiġġenera l-benesseri, il-kuntentizza, u l-kumdità?” staqsiet il-kummissjoni.

Il-KA qalet li ilha żmien tipprova tiftaħ għajnejn l-awtoritajiet dwar il-ħtieġa li jsir intervent dirett li jwaqqaf iż-żieda mhux sostenibbli u bla ppjanar serju fil-bini minħabba l-impatt negattiv tiegħu fuq is-soċjetà.

Qalet li n-numru ta’ assoċjazzjonijiet u ċittadini li qed isemmgħu leħinhom kontra l-iżvilupp bl-addoċċ qiegħed jikber. Il-KA fakkret kif diversi komunitajiet qed jingħaqdu biex jgħidu le għal żvilupp li mhux sostenibbli. Qalet li fost dawn hemm dawk ta’ Ħal-Luqa, Pembroke, is-Swieqi, San Ġiljan, ir-Rabat, l-Għarb, San Lawrenz, iż-Żejtun, u Tal-Pietà.

Fi kliem il-KA wieħed għandu jinnota wkoll li f’ċerti lokalitajiet, ir-rappreżentanti politiċi nsew l-alleanzi li seta’ kellhom mal-partit tagħhom biex setgħu jitkellmu b’vuċi waħda qabel kull interess partiġġjan.

Il-KA tħoss li ċ-ċittadini ilhom żmien jisimgħu b’hekk imsejħa studji li qatt ma saru pubbliċi li jbassru kemm Malta teħtieġ aktar u aktar bini biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Madanakollu, dan it-tbassir mhux qed irendi dak li wiegħed, u l-ammont ta’ ċittadini mdejqin bil-mod kif l-ambjent naturali u urban ta’ Malta qed jinqered qiegħed dejjem jiżdied.