Qbil unanimu fil-Parlament dwar il-Vot 16

Hemm qbil unanimu fil-Parlament biex il-vot għaż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jkun estiż għall-Elezzjonijiet Ġenerali u dawk tal-Parlament Ewropew.
Il-proposta għall-ftuħ tad-dibattitu dwar il-Vot 16 saret mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli u ġiet issekondata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius.
Julia Farrugia Portelli qalet li b’din l-emenda kostituzzjonali se jkun hemm mat-8,500 votant ġdid fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru fl-2019.
Hi qalet li dan kien il-pass li jmiss wara li fil-leġislatura l-oħra, il-Gvern kien ta d-dritt tal-vot lil żgħażagħ fil-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali.
Farrugia Portelli qalet li Malta saret it-tieni pajjiż fil-Ewropa li niżżlet l-età għal 16-il sena. Kompliet tgħid li din is-sena Malta qed tfakkar is-70 anniversarju minn mindu n-nisa ngħataw il-vot mill-eksPrim Ministru Pawlu Boffa. Fl-1976, il-Prim Ministru Dom Mintoff niżżel il-vot għal 18-il sena.
Is-Segretarju Parlamentari saħqet li l-Parlament illum simbolikament qed jgħaddi x-xettru lill-ġenerazzjoni li jmiss biex tkun tista’ tagħti l-fehma tagħha permezz tal-vot.
Min-naħa tiegħu il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu fiduċja fiż-żgħażagħ Maltin. Huwa qal din il-bidla ma saritx malajr daqskemm xtaq il-Partit Nazzjonalista meta hu kien ressaq proposta biex il-Vot 16 jingħata fil-leġislatura li għaddiet.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li din l-emenda fil-kostituzzjoni se ssaħħaħ proċess elettorali li huwa “l-għira ta’ ħafna pajjiżi”. “Malta għandha parteċipazzjoni qawwija fl-elezzjonijiet u sistema li l-aktar waħda rapprezentattiva”. Huwa qal li mill-esperjenza tiegħu ta’ Ministru l-aħjar proposti dejjem saru miż-żgħażagħ filwaqt li semmal-proposti riċenti tal-Kunsill Studenti Universitarji dwar tbiddil fil-proposti fl-istruttura tat-tmexxija tal-Università.
Id-Deputat Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi qal li fis-sena 2003, Malta ħadet deċiżjoni biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea u dawk it-tfal imwielda f’dik is-sena hija l-ġenerazzjoni li illum qed jingħataw id-dritt għall-vot.
Id-deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li filwaqt li dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba, s-sistema elettorali għandha bżonn titijib bħal rikonoxximent ta’ koalozzjonijiet politiċi bħal dik li saret qabel l-aħħar elezzjoni.
Waqt id-dibattitu tkellmu wkoll id-deputati Nazzjonalisti Robert Cutajar u Herman Schiavone.
Lis-Strangers Gallery tal-Parlament kienet mimlija żgħażagħ li assistew għad-dibattitu dwar il-Vot 16. Fost dawk li attendew kien hemm il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-Istudenti Demokristjani Maltin: