Qbil unanimu f’Ħaż-Żebbuġ biex jopponu l-proġett ta’ Ħal Mula

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ qabel unanimament li jopponi proġett f’Ħal Mula hekk kif l-iżviluppatur qed jipproponi li jtella’ għadd ta’ blokok b’appartamenti residenzjali f’żoni li hija riservata għal żvilupp għall-komunità. Iż-żona tinsab kantuniera bejn Triq Ħal Mula u Triq Michael Debono f’Ħaż-Żebbuġ.

Fuq proposta tal-Kunsillier indipendenti Steve Zammit Lupi, kemm il-Kunsilliera tal-Partit Laburista kif ukoll tal-Partit Nazzjonalista qablu li jopponu dan il-proġett kif ukoll li jħeġġu lir-residenti biex jissottomettu l-oġġezzjoni tagħhom b’mod individwali.

Sa issa l-Awtorità tal-Ippjanar diġà rċeviet 134 sottomissjoni dwar dan il-proġett.

L-iżviluppatur Vincent Borg għan-nom tal-Grupp Tumas qed jipproponi li jiżviluppa medda art ħadra fil-qalba ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-proġett li jinsab fiż-żona ta’ Ħal Mula mistenni jibdel medda ta’ art kbira 4,750 metru kwadru f’żona residenzjali ġdida.

F’laqgħa urġenti li saret apposta minħabba din l-applikazzjoni kontroversjali, il-Kunsill Lokali qabel li jopponi din l-applikazzjoni fost l-oħrajn minħabba li din l-art hi skedata għall-użu tal-komunità. Stqarru wkoll li ma jistax ikun li l-art titnaqqar minn interessi privati speċjalment meta tikkonsidra li din iż-żona għandha popolazzjoni densa u hemm żvilupp ieħor għaddej fl-istess żona.

Il-Kunsill Lokali ssuġġerixxabiex minflok isir ġnien kif ukoll li jiġu żviluppati taħlita ta’ swali u kmamar żgħar għal skopijiet edukattivi u soċjali li jintużaw mill-għaqdiet lokali, il-Kunsill Lokali u residenti stess.