Qbil unanimu dwar ir-riformi fl-Att Dwar l-Ilsien Malti

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li t-Tnejn intlaħaq qbil unanimu dwar ir-riformi fl-Att Dwar l-Ilsien Malti, Kapitlu 470.
Fi stqarrija, sostna li issa l-Kunsill tal-Ilsien Malti se jkun aktar demokratiku u rappreżentattiv, għax fost l-oħrajn, se jkun hemm membri ġodda mid-Dipartiment tat-Traduzzjoni tal-Università ta’ Malta, mill-għalliema tal-Malti fl-iskejjel tal-Knisja u l-indipendenti, membri mill-Awtorita tax-Xandir, pubblikaturi u tradutturi Maltin mill-istituzzjonijiet Ewropej.
Filwaqt li rringrazzja lil kull min kien involut fil-proċess, speċjalment bil-kritika kostruttiva tiegħu, il-Ministeru semma li dawn ir-riformi saru wara proċess twil sena mal-pubbliku u l-għaqdiet konċernati. Fl-aħħar nett awgura lill-Kunsill xogħol fejjiedi li jwassal għal tisħiħ tal-ilsien Malti.
L-emendi kienu ġew proposti mill-Ministru Evarist Bartolo f’Novembru li għadda, fost diżgwid u nuqqas ta’ qbil min-naħa tal-Kunsill tal-Malti.