Qbil għal pjattaforma Ewro-Mediterranja tal-gass

Il-Ministri Ewropej, mill-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, li pparteċipaw għall-Konferenza tal-Enerġija li saret f’Malta matul dawn l-aħħar jumejn qablu fuq il-prinċipju li tinħoloq pjattaforma Ewro-Mediterranja tal-gass.
Dan sabiex tissaħħaħ id-diversifikazzjoni tal-gass fin-nofsinhar tal-Ewropa.
Fi tmiem il-konferenza, il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi fil-preżenza tal-Kummissarju Ewropew Gunther Oettinger ħabbar li bdew ix-xogħlijiet ta’ skavar relatati mal-bini tal-power station il-ġdida tal-gass f’Delimara.
Sostna li dan il-proġett li se jsir mill-kumpanija Gasol Malta se jsir kif mistenni.
Meta kien qed jindirizza l-Konferenza tal-Enerġija, il-Ministru Mizzi qal li Malta tinsab lesta sabiex issir hub tal-gass fil-Mediterran.
Il-pjattaforma tal-gass se tkun qed tindirizza numru ta’ sfidi li taffaċċja l-Unjoni Ewropea dwar dan is-sors ta’ enerġija, speċjalment l-importazzjoni tal-gass u ż-żejt mingħand pajjiżi terzi u l-iżvilupp ta’ infrastruttura komuni fl-aħjar interess tal-pajjiżi Ewropej.
Il-Konferenza tal-Enerġija saret bejn Malta u Ċipru bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropea.