Qbil fuq bailout għal Ċipru; il-kriżi mistennija tippersisti

Il-Ministri tal-Finanzi taż-żona Ewro qablu fuq pakkett ta’ €10 biljuni bħala għajnuna finanzjarja lil Ċipru, biex ma tfallix is-sistema bankarja tal-pajjiż u biex Ċipru jibqa’ fiż-żona Ewro.

Dan se jaffettwa l-aktar lill-akbar żewġ banek f’Ċipru. Kull min għandu aktar minn €100 elf f’dawn il-banek se jara tnaqqis sostanzjali tal-flus tiegħu. Madankollu, din l-għajnuna finanzjarja tassigura li kull min għandu inqas minn dan l-ammont fi tfaddil ma’ dawn il-banek, ma jkunx affetwat.

Il-Kummissarju Ewropew għall-affarijiet ekonomiċi, Olli Rehn, qal li s-sitwazzjoni ta’ Ċipru tant qegħda ħażin li l-problemi finanzjarji tal-pajjiż mistennija jippersistu fil-futur qarib.

Dawn l-aħħar jiem kienu ħolma kerha għaċ-Ċiprijotti, bil-banek ewlenin ma jiftħux għal diversi jiem.

Fl-aħħar siegħat, il-banek fetħu l-ATMs tagħhom iżda għamlu limitu ta’ kemm wieħed jista jiġbed kuljum, u dan biex il-banek ma jfallux.

L-akbar bank għamel limitu ta’ €120 kuljum, filwaqt li t-tieni l-akbar bank għamel limitu ta’ €100 biss kuljum.

F’dan il-kuntest, il-ħwienet u n-negozji qed jaċċettaw biss ħlas dirett u mhux ċekkijiet.