Qbil dwar min għandu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni

B’kuntrast ma’ rapporti fil-midja, il-President George Vella attenda għall-appuntamenti kollha li kellu skedati għal-lum. Sadanittant, l-istennija tkompli hekk kif il-President għadu ma sejjaħx lill-Grupp Parlamentari tal-PN biex jinnomina kap ġdid tal-Oppożizzjoni. Skont informazzjoni minn sorsi qrib il-maġġoranza ta’ kontra Delia, l-isem ta’ kap ġdid ġie identifikat u kkomunikat lil Newsbook bil-kundizzjoni tal-kunfidenzjalità.

Skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta, hija l-prerogattiva tal-President li jirrevoka l-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u li jinnomina għal dik il-pożizzjoni, persuna li hu jaħseb li tkun kapaċi tmexxi l-maġġoranza tal-Oppożizzjoni.

Din is-sitwazzjoni żviluppat wara li lbieraħ 19-il membru fi ħdan il-Grupp Parlamentari tal-PN esprimew vot ta’ sfiduċja fil-konfront ta’ Delia bħala l-kap tal-partit. Il-Grupp Parlamentari tal-PN jikkonsisti fi 28 MP u żewġ MEPs. Għaldaqstant, tnejn minn kull tliet MPs ivvutaw kontra l-kap tagħhom.

Osservaturi politiċi innutaw li wieħed għandu jinnota wkoll li Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia, li mhumiex parti mill-Grupp Parlamentari tal-PN, ħadu pożizzjoni simili għal tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari.

L-impenji tal-President għal-lum inkludew il-preżentazzjoni tal-kredenzjali ta’ ambaxxatur ġdid kif ukoll żjara ta’ korteżija minn delegazzjoni ta’ rappreżentanti tal-Malta Air Traffic Services. Sorsi legali nnutaw li huwa sta għall-President li jneħħi Kap tal-Oppożizzjoni sfiduċjat.

L-istess osservaturi rrimarkaw li din is-sitwazzjoni ma tistax ittul iktar minn ftit sigħat, hekk kif tista’ tirriżulta fi kriżi kostituzzjonali.

Sors ieħor, MP, qal li issa li Delia m’għandux l-appoġġ tal-Grupp Parlamentari tiegħu, l-Eżekuttiv tal-Partit huwa irrelevanti. Is-sors qal li l-agħar ħaġa li tista’ tiġri hi li l-President jaħtar kap tal-Oppożizzjoni, waqt li l-partit jibqa’ bit-tmexxija ta’ Delia. L-MP, li pprefera li ma jissemmiex ismu stqarr li din is-sitwazzjoni tkompli taqsam il-partit.