Qbil dwar liġi li tagħti ċ-ċittadinanza Maltija lil sportivi u xjenzati ‘eċċezzjonali’

passaport Malti

Il-Parlament illejla iddibatta mill-ġdid u approva fi stadju tat-Tieni Qari abbozz ta’ liġi biex jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija; abbozz li huwa intiż biex jippermetti l-għoti taċ-ċittadinanza Maltija lill-persuni barranin li jgħixu f’Malta u li jagħtu kontribut eċċezzjonali lill-pajjiż f’oqsma differenti. Dan għandu jippermetti lil xjenzjati, riċerkaturi, atleti, persuni fl-isports, artisti u persuni fil-qasam tal-kultura barranin biex isiru ċittadini Maltin.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia qalet li l-abbozz se jkun qed jagħti is-setgħa lill-Ministru jagħti ċ-ċittadinanza Maltija lil dawk li jeċċellaw fil-qasam rispettiv tagħhom. Dan wara proċess rigoruż ta’ verifika fuq l-individwi li juru interess, fost l-oħrjan bl-involviment tal-entitajiet risponsabbli mill-qasam partikolari, bħall-Assoċjazjoni Maltija tal-Futbol jew l-Università ta’ Malta fil-qasam kalċistiku u ta’ riċerka rispettivament.
Kelliema għall-Oppożizzjoni fosthom id-Deputat Kap tal-Partit Beppe Fenech Adami u l-Whip David Agius laqgħu l-abbozz ta’ liġi u qalu li l-Oppożizzjoni kienet se tivvota favur. Innotaw li dan hu fenomenu relattivament komuni  fil-kamp sportiv. Fenech Adami żied li dan għandu jgħin biex jinkiseb talent lejn Malta wara li għal snin twal il-pajjiż ra nies ta’ talent jiksbu suċċess barra l-pajjiż.Agius staqsa jekk proċess ta' madwar sena u nofs biex tiġi proċessata applikazzjoni hux żmien twil wisq partikolarment f'każ ta' sportivi.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-liġi kienet essenzjali biex isseddaq l-iżvilupp xjentifiku, sportiv u dak kulturali. Saħaq li dan mhux minħabba de merti tal-Maltin, iżda għaliex jista’ jgħin biex titnlaħaq massa kritika fl-oqsma inkwistjoni li tgħin biex joħroġ l-aħjar mit-talent lokali. Qal ukoll, li l-iskema tista’ tgħin lil timijiet Maltin javvanzaw fil-kompetizzjonijiet sportivi.
L-abbozz kien diġà beda jiġi diskuss f'April li għadda, iżda d-dibattitu twaqqaf ħesrem hekk kif qabel mal-Parlament ma reġa' beda jiltaqa' wara l-vaganzi tal-Għid, issejħet l-elezzjoni ġenerali.
L-abbozz jgħid li biex ikun eliġibbli, barrani jrid ikun wettaq servizzi eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta jew lill-umanità, jew li n-naturalizzazzjoni tiegħu hi ta’ interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta. Jiddefinixxi t-terminu ‘eċċezzjonali’ bħala eċċellenti b’mod mhux normali u, jew superjuri fuq livell lokali, u tirreferi primarjament għal kontribuzzjonijiet magħmula minn persuni involuti fl-oqsma msemmija. Persuna jrid ikollha konnessjoni ġenwina ma’ Malta u titlu ta’ propjetà.