Qbil Brexit: “L-Ingliżi se jieħdu dak li kienu mwiegħda fl-2016” – Downing Street

Boris Johnson Brexit
Boris Johnson / Twitter

Ilbieraħ, propju f’lejlet il-Milied, ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea rnexxielhom jilħqu qbil fuq Brexit, sabiex fil-31 ta’ Diċembru, ir-Renju Unit uffiċjalment iħalli l-unjoni ta’ suq komuni.

Il-qbil storiku ntlaħaq waqt laqgħa virtwali bejn il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, laqgħa li hi mifhuma li kienet il-ħames waħda bejniethom f’temp ta’ 24 siegħa.

Dan il-qbil qed jitqies bħala wieħed bla preċedent mill-midja Ingliża, u kelliem għall-uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street qal li permezz tiegħu, l-Ingliżi se jieħdu dak kollu li ġew imwiegħda fir-referendum tal-2016. Sostna li issa, ir-Renju Unit ħa lura l-kontroll tal-flus, tal-fruntieri, tal-liġijiet, tal-kummerċ, u tal-ibħra tas-sajd tiegħu.

L-ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea llum għandhom jiltaqgħu sabiex Michel Barnier, il-kap negozjatur għall-UE fuq Brexit, jaġġornahom bil-qbil li ntlaħaq. Dawn għandhom idumu madwar jumejn jew tlett ijiem janalizzaw il-ftehim u jiddeċiedu kif jiġi implimentat.