“Qaxxartu sew il-ful, Sur Kappillan?”

Eks-kappillan iqaxxar il-ful, monsinjur jaħdem ta’ receptionist, eks-vigarju jgħin fil-kċina, eks-arċipriet jagħmel kull tip ta’ qadi li jgħidulu u qassisin iħejju l-imwejjed fir-rifettorju.

Dan huwa kwadru li llum jista’ jitpinġa dwar il-ħajja fid-Dar tal-Kleru fi Fleur des Lys. Insomma ilu jista’ jitpinġa għal dawn l-aħħar kważi 70 ġurnata li matulha r-residenti f’din id-dar imwaqqfa minn Mons. Salv Grima, ilhom fi kwarantina minħabba l-coronavirus.

Bħalissa fid-Dar hemm 64 saċerdot anzjan, għadd sewwa minnhom huma bed ridden. Jieħdu ħsiebhom il-Qaddejja taċ-Ċenaklu. Ma’ kull min titkellem jgħidlek li jġibu ruħhom mas-saċerdoti bi ħlewwa liema bħalha, bi mħabba bla limitu u bi professjonalità mill-aqwa. Magħhom hemm għadd ta’ lajċi li bħal dawk li qed jaħdmu mal-anzjani fid-djar li tmexxi l-Knisja jagħmlu anke huma kwarantina.

Dan il-kwadru u pinzellati oħra joħorġu minn intervista li għamilt mal-ħabib tiegħi Mons. Anton Gouder, li jien ilni nafu bħala Toni minn mindu qsamna flimkien ħafna avventuri, sigħat ta’ studju, argumenti, praspar u x’naf jien, kemm domna s-Seminarju l-Furjana bi tħejjija għall-ordinazzjoni saċerdotali u l-ħajja li din iġġib magħha.

Ikkuntattjajtu bi Skype.

Diversi ġimgħat kwarantina

Kif għaddej imsakkar fid-dar tal-Kleru? Staqsejtu jien, kif jgħidu l-Ingliżi tongue in cheek. Donnu mhux anke jien qiegħed imsakkar! Iżda għalkemm Dun Anton qatt ma jkun nieqes mill-battuti din ma ġietx f’moħħu.

“Issa ilna msakkrin hawn ġew diversi ġimgħat. Hawn hekk hawn numru mhux hażin ta’ patrijiet u qassisin u mhux kulħadd jinsab fl-istess sitwazzjoni, b’hekk din is-sitwazzjoni ma tolqotx lil kulħadd l-istess. Hawn min għadu pjuttost attiv u qabel kien joħroġ fil-parroċċa u  hemm oħrajn li ma joħorġux u jiddependu ħafna fuq il-qraba u ħbieb. Dawn ġew milquta b’mod ieħor, iebsa ħafna għalihom.”

Dun Anton wieħed minn dawk li kien għadu attiv ħafna. Jaħdem fit-Tribunal, jgħin fil-parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, imexxi laqgħat, jiltaqa’ man-nies … U l-lista tista’ tkompliha. Qatt ma kien wieħed joqgħod idu fuq żaqqu, għalkemm jekk irid ikollu biżżejjed spazju biex iserraħha hemm!

Huwa kellu kliem pożittiv ħafna għat-tmexxija tad-Dar li flimkien mal-membri tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu jagħmlu ħilithom  biex jagħmlu li hemm bżonn għad-dar. Id-Direttur huwa Mons. Anton Cassar. Qassis ieħor li ilni naf min żmien is-Seminarju. Ieħor li ma jafx x’inhu kwiet.

“Għandu ħafna ħsibijiet fuq moħħu bħalissa”, qalli Dun Anton sieħbi fuq id-Direttur, Dun Anton, sieħbi l-ieħor. “Mhux għalhekk jitħallas salarju kbir”, għedtlu jien b’ċajta. Bl-istil spirtu pront tiegħu kompla ċ-ċajta: “Għal salarju għandu tnejn”, qalli.

Min jaf kif jitħallsu l-qassisin jinduna mill-ewwel li konna qed niċċajtaw. Apparti dan, Dun Anton Cassar, qassis tajjeb u bniedem ġeneruż daqs kemm hu bieżel. Fi żmien is-Seminarju kont speċi ta’ assistent tiegħu fil-proġett ta’ Slum Clearance. Għamel żmien anke prepostu ta’ Sant’Elena u issa Arċipriet tal-Imdina barra direttur tad-Dar tal-Kleru.

Jirrispettaw is-social distancing

La l-coronavirus żammitkom ġewwa, żgur li bidlitilkom it-time table tal-ġurnata, osservajt jien.

“Inbidel il-ħin tal-konċelebrazzjoni. Qabel kienet tkun fid-9.30am u issa minħabba s-social distancing qed isiru tnejn, fit-8.30am u fid-9.30am. Barra minn hekk qegħdin nieklu f’żewġ swali biex nevitaw li ma nkunux qrib ta’ xulxin.”

Imbagħad tipikament tiegħu li jaħseb fl-oħrajn, Dun Anton, kompla:

“Naturalment għall-impjegati u għas-sorijiet kien hemm tibdil kbir u ħafna differenza.

L-impjegati nisa qegħdin joqogħdu fil-kwartieri tas-sorijiet biex jagħmlu l-kwarantina meħtieġa. Dan iż-żmien ’il bogħod mill-qraba tagħhom, huwa forma ta’ tbatija u sagrifiċċju kbir.”

Għas-sorijiet li jieħdu ħsiebhom kellu kliem ta’ tifħir u ringrazzjament kbir.

“Dejjem ikunu on call “, qalli “qatt ma jgergru. Dejjem għaddejjin bix-xogħol. Huma u l-impjegati tarahom b’ġenerożità kbira jagħmlu magħna dak kollu li hemm bżonn”.

Camping fid-Dar tal-Kleru?

Kif inhi l-atmosfera? staqsejtu.

“Fil-bidu ddiskrevejt l-atmosfera bħal qisna qegħdin camping, mhux bħala btala imma kulħadd jagħmel dak kollu li jista’. Numru minna r-residenti qed jgħinu wkoll fil-bżonnijiet tad-dar, bħal reception, fil-kċina, fir-refettorju, l-armar tal-imwejjed, u żbarazzar, fost ħwejjeġ oħra.

Id-direttur ried juża dan iż-żmien biex jirranġa l-librerija. Ħafna minnha qed ngħinuh.”

Kompla jgħid li l-aktar ħaġa li tolqtok hija l-atmosfera ta’ ġenerożità.

“Tara l-impjegati, pereżempju, li meta jlestu xogħolhom jgħinu fix-xogħolijiet tal-oħrajn. Saħansitra meta jkunu fil-ġranet tal-off tagħhom xorta jiġu jgħinu lil oħrajn.  Kulħadd jgħin lil xulxin.”

Ma tistax ma tirriflettix  li jkun veru sabiħ meta, kif jgħid is-Salmista “l-aħwa jgħammru flimkien.”

Muntaġġ: Miguela Xuereb

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn