Qattusa żgħira tat-twelid instabet weħidha f’Cape Town, fl-Afrika t’isfel, tard is-sena l-oħra. Il-qattusa kienet għamja mit-twelid u l-persuna li sabitha ħaditha minnufih għand id-Domestic Animal Rescue Group, magħrufa wkoll bħala DARG.
L-għan ta’ din l-organizzazzjoni hi li jieħdu ħsieb l-annimali abbandunati, u apparti li jikkurawhom, jippruvaw isibulhom dar.
Iżda fil-każ ta’ din il-qattusa partikolari, ma kienitx xi ħaġa faċli għax ħafna huma dawk li ma jħossuhomx komdi jaddottaw annimal li jkun nieqes mid-dawl.
L-avviż biex iħajjru biex June tiġi addottata. Ritratt: Facebook
Iżda ma tantx kien hemm rispons jew interess min-nies biex jaddottaw lil June, u għalhekk ftit xhur wara tpoġġa avviż fuq Facebook li ġibed l-attenzjoni ta’ Andrew Duff u Rebecca Warner, għarajjes li kien qed jippjanaw il-futur tagħhom.
Mill-ewwel ħassew li l-qattusa June kellha tkun għandhom.
Iddeċidew li japplikaw biex jaddottaw lil June mingħajr lanqas biss qatt ma kienu rawha quddiehom ħlief fuq ir-ritratti li kien hemm fuq l-avviż.
Wara li sar il-proċess ta’ evalwazzjoni, din il-koppja ġiet approvata biex taddotta lil June u għalhekk Andrew u Rebecca marru biex jiġbruha.
Malli Andrew qabadha, il-qattusa mill-ewwel intgħafset miegħu, bħallikieku kienet hi li kienet qiegħda taddootah, u qagħdet imkaħħla miegħu tul il-ħin li dam isuq biex jeħodha d-dar fejn hija kienet se toqgħod.
Ritratt: Facebook
Iżda June ma kienitx se tkun l-unika qattusa fid-dar ta’ din il-koppja. Diġà kien hemm ukoll Leia u Leeloo, li għall-ewwel ma aċċettawx li jkun hemm qattusa oħra fit-territorju tagħhom.
Iżda wara biss ftit ġimgħat, dawn it-tlieta draw lil xulxin, tant li issa jilgħabha flimkien u jorqdu mgħanqin ma’ xulxin.