Qattus maqtul Għajn Tuffieħa: Laqgħa importanti għal dawk interrogati

L-NGO Animal Defence League Malta qiegħda ssejjaħ lil dawk l-20 persuna li ġew interrogati mill-Pulizija talli għamlu xi theddid fuq il-qtil tal-qattus f’Għajn Tuffieħa tas-sajf li għadda, biex jikkuntattjawha għax għandha ssir laqgħa importanti bejniethom fil-jiem li ġejjin.

Fi stqarrija, l-NGO kkundannat kwalunkwe diskors vjolenti li ntqal fuq Facebook, imma tikkundanna wisq iżjed il-qtil tal-qattus, li għadha ma saritx ġustizzja miegħu billi min qatlu ma tressaqx il-Qorti.

Dan wara li 20 persuna ġiet mitkellma mill-Pulizija fil-jumejn li għaddew dwar kummenti ta’ theddid li għaddew fil-konfront tas-sidien tar-ristorant fejn inqatel qattus is-sajf li għadda. Huma mistennija jitressqu l-Qorti.

Animal Defence Malta nkoraġġiet lil kull min ġie interrogat mill-Pulizija biex jingħaqad, sabiex jiġu pprovduti b’għajnuna legali. Qalet ukoll li dawn għandhom jagħmlu kuntatt fuq adlmaltaeu@gmail.com, għaliex hi se ssejjaħ laqgħa importanti għalihom fil-jiem li ġejjin.