Qattus maqtul Għajn Tuffieħa: l-ebda rapport mal-Pulizija

Arkivji

Il-Lega għad-Difiża tal-Annimali qalet li ma sar l-ebda rapport lill-Pulizija dwar il-qattus li allegatament inqatel nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Settembru viċin ristorant f’Għajn Tuffieħa.

Il-Lega sostniet li l-Pulizija, li għadha qed tinvestiga l-każ, ħadet bosta verżjonijiet dwar dak li ġara minn diversi persuni iżda rapport uffiċċjali baqa’ ma sarx.

Intant, il-Lega avżat li kull min għandu jew seta’ kellu xi informazzjoni, anke jekk ikun għaddiha lill-Pulizija, jikkuntattja lill-Lega minnufih biex jingħata l-assistenza f’kull stadju tal-każ. Dan għaliex il-membri tal-Lega flimkien mal-avukati tagħhom qegħdin joffru li jakkumpanjaw lill-individwi kkonċernati meta jasal il-mument li jsir ir-rapport uffiċjali.

Skont l-istqarrija, il-Lega qed toffri somma flus għal min jista’ joffri informazzjoni dwar il-każ li twassal biex ikun solvut il-każ u appellat biex min għandu xi informazzjoni jista’ jċempel fuq 77550550 jew jibgħat imejl fuq adlmaltaeu@gmail.com jew permezz tal-Facebook Animal Legal Defence Team.