Qattus maqtul f’Għajn Tuffieħa; ittra lill-Kummissarju

Rappreżentanti Animal League Defence Malta ippreżentaw ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija fid-Depot tal-Furjana sabiex il-pubbliku jiġi aġġornat dwar il-każ tal-qattus li nqatel ġimgħatejn ilu f’restorant f’Għajn Tuffieħa.

Il-każ ħareġ fuq il-midja soċjali wara li tfajla rrakkuntant l-esperjenza xokkanti tagħha meta waqt li kienet qed tiekol f’restorant f’Għajn Tuffieħa rat raġel isawwat ferħ ta’ qattus sakemm qatlu fil-pubbliku. Magħha kien hemm bosta turisti li esperjenzaw din ix-xena xokkanti.

Fl-ittra staqsew bosta mistoqsijiet:

  • Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ?
  • Jekk iva, fejn waslu dawn l-investigazzjonijiet?
  • Hemm xi ħadd li qed jiġi akkużat b’dan il-każ?
  • Kemm kien hemm xhieda li rrappurtaw dan il-każ lill-Pulizija?
  • Il-Pulizija se titlob għall-għajnuna ta’ dawk kollha li kienu preżenti fir-restorant biex jgħinuhom fl-investigazzjoni?