Qattus ivvizzjat iħarrab lil sħabu

Quilty hu qattus komuni li seba’ snin ilu nġabar mill-organizzazzjoni fl-Istati Uniti bl-isem ta’ Friends for Life Animal Rescue and Adoption Organization ibbażata fi Houston, fl-Istati Uniti. Wara ftit tax-xhur il-qattus kien addottat imma aktar tard reġa’ spiċċa fis-santwarju tal-qtates wara li sidu bidel fejn joqgħod u ma setax jieħdu miegħu fejn mill-ewwel beda jaqla’ l-inkwiet.

Quilty waqt li kien għand sidu kien tgħallem jiftaħ il-bibien u issa, waqt li kien fis-santwarju, baqa’ jagħmel l-istess u beda jħarrab lill-qtates li kienu jkunu msakkrin fi kmamar apposta. Dan ma kienx jagħmlu darba biss f’ġurnata imma kull darba li kien jara xi qattus maqful.

Dawk li jieħdu ħsieb is-santwarju kitbu fuq Facebook li Quilty m’għandu mistħija ta’ xejn u dejjem jara kif se jaqla’ l-inkwiet. Għalhekk qabduh u sakkruh f’kamra għalih waħdu. Iżda anki rnexxielu joħroġ minn hawn u kompla jħarrab lil sħabu. Għalhekk il-qattus, b’kastig, tefgħuh fejn iżommu lill-klieb. Imma spiċċa biex beda jħarrab il-klieb wara li tħabbeb magħhom.

Lil Quilty fetħulu Instagram account fejn bdew jirrakkuntaw l-‘atti kriminali’ li kien jagħmel. Dawn bdew jintogħġbu u l-qattus malajr kellu following ta’ eluf kbar. Għalhekk meta saret talba biex xi ħadd jadottah malajr irċevew eluf ta’ offerti u fl-aħħar Quilty mar għand sid ieħor.

Il-qattus jidher li qed iġib ruħu sew mas-sidien il-ġodda tiegħu għax dawn kitbu fuq l-Instagram ta’ Quilty li hu sejjer tajjeb magħhom, mhux qed jagħmilha tal-kriminal u l-ħin kollu jitfissed. Is-sidien il-ġodda ta’ Quilty kitbu li l-qattus hu ‘l-aktar wieħed li jħobb li qatt iltaqgħu miegħu.’

Sadattant fis-santwarju tal-qtates fejn kien jinżamm qed jingħad li hemm xi qtates li qed jimitaw lil Quilty u jkunu kriminali bħalu. L-eżempju tiegħu kaxkar li xi wħud!