Qatt twaqqaft milli tixtri mill-internet għax minn Malta? Mil-lum tibda kampanja kontra

L-għaqdiet tal-konsumaturi madwar l-Ewropa, inkluż dik f’Malta, mil-lum qed jibdew kampanja biex il-Kummissjoni Ewropea twaqqaf dik li tissejjaħ geo-blocking – meta konsumaturi minn pajjiż, li jridu jixtru minn fuq l-internet, ma jitħallewx jixtru minn websajt minn pajjiż ieħor.
L-Għaqda tal-Konsumaturi – Malta qalet li ħafna konsumaturi Maltin għaddew minn din l-esperjenza speċjalment meta riedu jixtru minn sit elettroniku ta’ kumpanija Ingliża li diġà tbiegħ prodotti f’Malta.
Sostniet li temmen li l-konsumaturi Maltin għandhom id-dritt jixtru minn fejn jaqblilhom u mingħand min kapaċi joffri għażla ikbar bi prezzijiet orħos.
Għalhekk ħeġġet lill-konsumaturi Maltin biex jinfurmawha b’email b’dawk is-siti ta’ kumpaniji li ma jħalluhomx jixtru sempliċement għax huma Maltin.