“Qatt titlaqni minn taħt ħarstek” – bint Miriam Pace b’poeżija għal ommha

Aġġornat 10:13 AM

Ivana Portelli, bint Miriam Pace, kitbet poeżija lil ommha li mietet traġikament fit-2 ta’ Marzu ta’ din is-sena propju f’Jum l-Omm.

Miriam Pace kienet vittma ta’ tiġrix ta’ dar fil-Ħamrun, ħajt ma’ ħajt ma’ sit ta’ kostruzzjoni li ma kellux permess li jagħmel ix-xogħol li kien qed jagħmel dak iż-żmien. Hi ħalliet warajha lir-raġel tagħha, Carmel Pace u ż-żewġ ulieda, Matthew u Ivana.

Ara xi tgħid il-poeżija ta’ Ivana:

Lil Ommi

Il-ġranet siekta mingħajr leħnek
It-tgħanniq ‘il bod minn ħdanek
Ir-rigal li dejjem tajt ta’ ħinek
Spiċċa ħesrem ġewwa darek

Il-bewsa ma baqgħetx fuq wiċċi
Id-daħka saret silenzjuza
Ilbiesek spiċċa waħdu
Il-ħajja wisq misterjuża

Fil-jum li jfakkar l-ommijiet
Iffakarni fl-isbaħ żminijiet
Issa li m’għadekx hawn miegħi
Xorta nitkellmu fit-talb tiegħi

Ħaga waħda nitolbok…
Qatt titlaqni minn taħt ħarstek
Grazzi Ma! Inħobbok!
Mur sabiħa, strieh fil-paċi.

Lil OmmiIl-granet siekta minghajr lehnekIt-tghanniq 'il bod minn hdanek Ir-rigal li dejjem tajt ta' hinekSpicca…

Posted by Ivana Portelli on Saturday, May 9, 2020

“Din is-sena Jum l-Omm se niċċelebrah b’dieqa” – Carmel Pace

Min-naħa tiegħu, Carmel Pace qal li din is-sena, Jum l-Omm se jkun qed jiċċelebrah b’dieqa għax martu u omm uliedu m’għadhiex miegħu. Qal li m’hemmx mod kif jgħannaqha, jagħtiha bewsa u jirringrazzjaha tas-sagrifiċċju li tagħmel magħhom lkoll. Qal li ma jistgħux jawgurawlha jum mill-isbaħ.

Qal iżda li llum, Miriam qed tiċċelebra Jum l-Omm mal-Omm tal-Ommijiet kollha fil-ġnien kollu ward tal-ġenna. Talabha biex tibqa’ tindukra u tieħu ħsieb lil uliedhom u titlob għalihom kif dejjem kienet tagħmel.