“Qatt minsi” – Grace dwar Mario Ellul

Bil-kliem “Qatt minsi” Grace Ellul dalgħodu, permezz tal-paġna tagħha fuq Facebook, fakkret il-memorja ta’ żewġħa, l-attur u kantant Mario Ellul li kien ħalliena bħal-lum 16-il sena ilu.

Huwa miet fl-età ta’ 40 sena nhar il-31 ta’ Lulju tal-2004. Il-mewta tiegħu kienet ta’ ħasda għal bosta nies, speċjalment għal dawk li ftit minuti qabel kienu għadhom kif rawh jinterpreta tliet siltiet mill-musical Notre Dame De Paris fil-Casino di Venezia.

Matul il-karriera tiegħu, Mario Ellul kien jagħmel parti mill-kor ta’ Voices kif ukoll mill-bord tal-Maltasong, li f’dak iż-żmien kienet tieħu ħsieb il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest.

Huwa kien ta sehem f’għadd ta’ produzzjonijiet fuq it-televiżjoni u fuq il-palk, fosthom f’sensiliet bħal Villa Sunset u Dejjem Tiegħek Becky, u musicals bħal Żeża tal-Flagship, u Spiru Ċefai.    

Bħala kantant, Mario kien ukoll mal-gruppi Fog u Mirage.

Mario u Grace kienu żżewġu f’Ġunju tal-1991 u kellhom tifel, Daniel.