“Qatt mhu se nagħti tama falza lill-kaċċaturi” – Alfred Sant

L-MEP Laburista Alfred Sant qal li qatt mhu se jagħti tama falza lill-kaċċaturi Maltin iżda qal li jifhem il-frustrazzjoni tagħhom għax iħossuhom diskriminati meta mqabbla ma’ kaċċaturi fl-Ewropa.

Alfred Sant qal dan waqt li żar bejtiet artifiċjali f’Ta’ Qali maħsuba li jiżdiedu l-ispeċi ta’ għasafar li jkollhom il-friegħ f’Malta bħala parti minn dak li qed jissejjaħ ‘Project Bejta’ li tnieda mill-Kaċċaturi San Ubertu.

L-għan ewlieni huwa sabiex diversi speċi tal-għasafar ikollhom il-friegħ f’Malta fosthom il-ħuttafa, l-isturnell, l-ispanjulett u l-bies.

Il-kaċċaturi San Ubertu spjegaw kif hawn mal-400 bejta artifiċjali li ġew installati f’postijiet differenti fil-gżejjer Maltin.

Alfred Sant qal li inizjattivi bħal dawn jagħtu dehra pożittiva lil kaċċaturi lokali li tegħleb l-aspett negattiv marbut mal-kaċċaturi f’Malta u fl-Ewropa.