“Qatt mhu aċċettabbli li tivvota kontra l-partit” – Arrigo

Photo: Partit Nazzjonalista

Read in English.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo qal li wieħed jivvota kontra l-partit tiegħu stess qatt mhu aċċettabbli. Hu qal dan permezz ta’ post fuq Facebook fejn kien qed jitkellem dwar is-survey tal-MaltaToday li kkumpara l-fiduċja f’Therese Comodini Cachia meta kkumparata mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u anke mal-Prim Ministru Robert Abela.

Arrigo qal li Comodini Cachia waqgħet mal-ewwel ostaklu. Qal li l-istħarriġ jikkontradixxi dak li qalet hi meta sostniet li issa l-partit huwa unit.

Hu spjega kif Comodini Cachia kienet talbet, kemm bil-miktub u anke b’mod verbali, għar-riżenja tiegħu. Hu rringrazzja lill-coronavirus talli ppermetta li hu jibqa’ f’din il-pożizzjoni. “Ix-xewqa tagħha ma saritx realtà,” qal Arrigo. Sostna li l-ewwel sitt xhur tal-2020 kienu l-aqwa xhur finanzjarji għall-partit.

Arrigo rrimarka li kien hemm tliet snin ta’ attakki interni li ppruvaw jgħarrqu l-partit. Hu qal li l-istampa tiggrava meta l-attakki jmorru kontra d-demokrazija. L-għajta kurrenti għaliex Delia għandu jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN hija għax kien elett demokratikament wara vot li ttieħed mit-tesserati. Dan minkejja l-voti ta’ sfiduċja li kiseb fil-konfront tiegħu fl-aħħar ġimgħat mill-ogħla istituzzjonijiet tal-partit.

Arrigo kompla billi appella li sabiex il-partit jibqa’ unit minn tal-inqas sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Not much joy for designate leader of the opposition. She fell on the first hurdle. This Maltatoday survey contradicts…

Posted by Robert Arrigo on Saturday, July 18, 2020

Xi jgħidu s-surveys tal-MaltaToday?

Is-survey tal-ġimgħa li għaddiet tal-MaltaToday ħareġ li Comodini Cachia kellha l-fiduċja ta’ 31% tal-votanti tal-Partit Nazzjonalista. Intant, Delia jgawdi l-fiduċja ta’ 32.7%.

Intant, f’survey ippubblikat illum, Comodini Cachia baqgħet ma għamlitx impatt kbir mal-votanti tal-partit. Is-survey ikkumpara l-fiduċja tal-votanti f’Comodini Cachia meta kkumparata mal-Prim Ministru Robert Abela. Ir-rata ta’ fiduċja hija dik ta’ 13.1%. Intant Delia jgawdi minn rata simili, li hija dik ta’ 13.2%.

Skont l-istess survey, jidher li b’Comodini Cachia hemm ċans li Abela jikseb vantaġġ akbar. Filwaqt li b’Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni Abela jgawdi minn rating ta’ fiduċja ta’ 57.7%, kontra Comodini Cachia jgawdi minn fiduċja ta’ 58.4%.

Analiżi tas-survey tal-MaltaToday qed turi li bħalissa hemm ċans li d-distakk bejn iż-żewġ partit prinċipali fil-pajjiż huwa ta’ 72,000 vot.