Qatt ma wegħedna vantaġġi illegali lill-klijenti – Chetcuti Cauchi

Google Maps

Il-Managing Partner tal-kumpanija Chetcuti Cauchi sostna li l-kumpanija qatt ma wegħdet vantaġġi illegali lill-klijenti tagħha li ppruvaw jiksbu l-passaport Malti.

Dr Jean-Philippe Chetcuti bagħat dikjarazzjoni wara li l-kumpanija tilfet il-liċenzja tagħha biex tbigħ iċ-ċittadinanza Maltija b’mod temporanju. Dan minħabba li ġurnalisti Franċiżi żvelaw li l-avukati ta’ din id-ditta qalu li kienu jafu sew lil għadd ta’ persuni fil-Gvern inkluż il-Prim Ministru u b’hekk, fost l-oħrajn, setgħu jagħtu ċ-ċittadinanza permezz ta’ ‘garanziji poltiċi’.

Aqra: Il-PM ma jippublikax l-ittra ta’ sospensjoni ta’ Chetcuti Cauchi

Chetcuti qal li l-kumpanija tiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet kollha li tqajmu mill-programm. Qal li l-kumpanija dejjem aġixxiet b’mod professjonali, etiku u diliġenti u “qatt ma kisret il-liġi”. Intant qal li l-kumpanija qed tikkopera mal-awtoritajiet u bi ħsiebha tibqa’ tagħmel dan.

Fl-istqarrija Chetcuti ċaħad li qatt wiegħed vantaġġ legali lill-klijenti tiegħu. Ċaħad ukoll li qatt tkellem ma’ politiċi biex jintervjenu illegalment f’isem il-klijenti tagħhom. Qal li l-ebda klijent tagħhom li ġiet irrifjutata l-applikazzjoni tiegħu għall-passaport Malti ma nbidlilhom ir-riżultat. Qal ukoll li qatt ma aċċettaw klijenti b’rekord kriminali. Intant l-ebda klijent tagħhom qatt ma kellu ċ-ċittadinanza revokata minħabba akkużi kriminali wara li ħadu ċ-ċittadinanza.

Aqra: Aġenti taċ-ċittadinanza Maltija jiftaħru b’rabtiet mal-Gvern

Chetcuti spjega li l-kumpanija bħalissa timpjega 140 persuna li kollha jridu jissapportjaw lill-familja tagħhom. Qal li filwaqt li l-kumpanija ma għandha l-ebda problema li tiftaħ il-bibien tagħha għall-iskrutinju, it-talba hija li r-reviżjoni tal-liċenzja tagħha ssir fl-iqsar żmien possibbli.