“Qatt ma twaqqa’ isem Malta għac-ċajt!” – Jenise Spiteri

Dan l-aħħar waqt il-programm ta’ CBS Let’s Make a Deal dehret l-isportiva Maltija Jenise Spiteri fejn kienet intervistata minn Wayne Brady. Xi Maltin li raw din l-intervista li nxterdet fuq bosta siti soċjali ħassewhom insultati b’dak li beda jgħid il-preżentatur fejn deher bħal anki jirredikola lil pajjiżna, l-innu Malti u kif aħna bħala poplu.

Wara l-kjass li nqala’ għamilna kuntatt ma’ Jenise biex nieħdu l-kummenti tagħha dwar dak li ġara. Jenise hija  snow boarder professjonali u beħsiebha tikkompeti fl-Olimpjadi f’isem Malta. Kien hawn li l-preżentatur Wayne Brady beda jagħmel battuti dwar iċ-ċokon ta’ Malta.

Jenise qalet li d-dehra tagħha waqt il-programm ġabet reazzjoni tajba dwar Malta fl-Istati Uniti. Kien hemm ħafna Amerikani li bagħtulha mijiet ta’ messaġġi fejn semmewlha li Malta hi sabiħa, li riedu jiġu Malta u li jagħtuha l-appoġġ waqt l-Olimpjadi. Irċeviet ukoll messaġġi minn persuni b’dixxendenza Maltija li faħħruha meta raw Maltija waqt il-programm fuq it-TV. Ħadd minnhom ma ħaseb li l-programm waqqa’ għaċ-ċajt lil Malta.

Jenise bdiet biex tgħidilna li hi ħasra li minn spettaklu ta’ siegħa ntwerew biss tliet minuti u xi  kummenti ttieħdu barra minn lokhom. Qabel ma dehret waqt il-programm Wayne Brady qatt ma kien jaf b’Malta u wera interess kbir biex ikun jaf dwarha. Hi qaltilna li tkellmet ukoll dwar konjomha li jibqa’ sejjer sa minn żmien il-kavallieri ta’ Malta. It-taħdita tagħhom dwar pajjiżna kienet itwal minn kif dehret għax inqatgħu partijiet minnha minħabba t-tul tal-programm.

Waqt il-programm il-Maltija rebħet karozza u flus. Wara li dehru xi reklami Wayne qal li kien għadu kif irċieva mpjieg bħala ambaxxatur ta’ Malta u li se jmur joqgħod fil-gżira. Kien hawnhekk li talab lill-udjenza biex tqum bilwieqfa għall-innu Malti.

“Meta smajt dan,” kompliet tgħid Jenise, “ma ridtx nemmen li kien se jkompli dwar Malta … u kienu se jdoqqu l-Innu Malti? Meta beda jkanta “ohhhhh Malta” il-kameras daru fuqi biex jaraw ir-reazzjoni tiegħi.

“Peress li dan hu programm ‘fun comedy’ kieku wrejt li kont qed niddejjaq kont nidher kerha u ma għamiltx is-salut li Brady u l-udjenza għamlu għax hekk ħasbu li kellhom jagħmlu. L-Amerikani jpoġġu idhom fuq qalbhom waqt l-innu tagħhom u għalhekk poġġew idhom fuq moħħhom waqt id-daqq tas-suppost innu għax ħasbu li l-Maltin hekk jagħmlu waqt l-innu tagħhom.”

Jenise għamlitha ċara li Brady kien ikun offensiv lejn l-innu Malti kieku uża l-innu nazzjonali proprju u vvinta kliem biex taparsi jkun jitkellem bil-Malti. Fil-fatt Brady vvinta l-’innu’ dak il-ħin stess.

Wara l-ħin tar-reklami ħareġ iħabbar li kien sar ir-Re ta’ Malta. Din ovvjament kienet ċajta u Jenise qalet li mpressjonat ruħha kif f’żewġ minuti biss ir-raġel irnexxilu jsib kuruna u sash! Ftit wara l-assistenta tiegħu ħaditlu l-kuruna u s-sash għax qaltlu li hi kienet eletta r-Reġina ta’ Malta. Dan iċ-ċajt baqa’ għaddej tul il-programm sħiħ.

Jenise Spiteri tgħannaq lir-rebbieħa li rebħet vjaġġ għal Malta waqt il-programm

Waħda mill-kontestanti rebħet vjaġġ għal Malta wkoll. Il-premju kellu jkun x’aktarx vjaġġ għall-Bahamas imma l-programm tant spiċċa dwar Malta li bidlu l-pajjiż tal-premju.

Kull episodu jarawh miljun ruħ u Jenise ħassitha li d-dehra tagħha swiet ta’ ġid għax għamlet reklam għal Malta wara li tqanqal tant interess dwar il-pajjiż.

“Jien ridt nuri l-isbaħ wiċċ possibbli għal Malta fuq l-istejġ dinji,” temmet tgħidilna Jenise.