Qatt ma tieqaf titgħallem…imma ddumx biex tapplika

L-applikazzjonijiet għall-korsijiet offruti mid-Direttorat għar-Riċerka u t-Tagħlim Tul il-Ħajja jagħlqu nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Lulju.
Id-direttorat, li huwa parti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qal fi stqarrija li dis-sena se jingħataw madwar 458 kors tal-adulti f’90 suġġett differenti.
Il-programm jinkludi fih suġġetti minn livell bażiku fil-ħiliet tal-kitba u l-qari, kif ukoll fil-Matematika u l-Kompjuter.
Barra minn hekk, fih korsijiet akkreditati f’livelli differenti fi tnax-il lingwa: il-Malti, l-Ingliż, l-Għarbi, iċ-Ċiniż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Ġappuniż, ir-Russu, l-Ispanjol u t-Tork.
Jinkludi wkoll bosta suġġetti fil-Livell Ordinarju kif ukoll Avvanzat, u anki korsijiet tal-kompjuter u taħriġ vokazzjonali.
Ħafna mill-korsijiet itulu 32 ġimgħa minn Ottubru sa Mejju. Il-ħlas tal-korsijiet huwa ssussidjat u jibda minn €18.63 għal korsijiet qosra u €46.59 għall-korsijiet taċ-ĊES.
Tista’ tapplika mis-sit tat-Tagħlim għal Tul il-Ħajja, jew tmur personalment il-binja tal-Edukazzjoni fi Triq l-Assedju, il-Furjana bejn it-8.30am u nofsinhar, anki ċċempel fuq 25982291 jew 25982292.