“Qatt ma smajt lil Silvio Scerri jgħid li jrid ikeċċi lil Norman Vella”

Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard fil-Qorti qal li hu qatt ma sema liċ-Chief of Staff tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Silvio Scerri jgħid li jrid ikeċċi lil Norman Vella.
Anton Attard kien qed jixhed fil-Qorti quddiem il-Kummissjoni li qed tisma’ l-każ ta’ Norman Vella, l-eks preżentatur tal-programm TVHemm, li tressqet kontra l-kap tas-servizz pubbliku Mario Cutajar u l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Norman Vella qed jallega li hu tkeċċa mill-PBS u intbagħat fid-Dipartiment tal-Immigrazzjoni, fejn kien jaħdem oriġinarjament, minħabba diskriminazzjoni politika. Meta tkeċċa f’Awwissu tal-2012, hu kien production manager ta’ Xarabank u Bijografiji, fost oħrajn.
Anton Attard qal li fl-opinjoni tiegħu Norman Vella kien producer u preżentatur kompetenti ħafna, iżda l-opinjoni fuqu mil-bord editorjali u l-bord tad-diretturi kienet imħallta ħafna.
Min-naħa tiegħu, l-avukat ta’ Vella saqsa fejn kienu jaħdmu l-ġurnalisti preżenti qabel bdew jaħdmu mal-PBS fit-tmiem tal-2013. Semma lil Brandon Pisani, Rodney Vassallo u Dorothy Falzon.