“Qatt ma sar xogħol bħala rigal” – Mario de Marco

Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li x-xogħol li sar fil-proprjetà tiegħu qatt ma sar bħala rigal.
Mario de Marco qal dan fi stqarrija wara li gazzetta lokali ppubblikat storja tgħid li fl-2012, jiġifieri meta Mario de Marco kien ministru, sar xogħol fuq il-proprjetà tiegħu mingħajr ma dan ħallas għalih u li talab biss invoice għax-xogħol li sar f’Marzu li għadda.
Dalgħodu fl-attività tal-Partit Laburista fl-Imġarr, il-Prim Ministru Joseph Muscat saqsa jekk hux Mario de Marco kiser il-Kodiċi tal-Etika meta rċieva rigal meta kien ministru.
Spjega li x-xogħol fuq il-proprjetà beda fl-2009. Qal li ħadd ma jgħix fil-post u li x-xogħlijiet għadhom għaddejjin. Matul is-snin, hu qabbad diversi kuntratturi biex jaħdmu fuq il-proprjetà u li ħallas għax-xogħol kollu li sar.
De Marco qal li Redmap Ltd kienet ikkummissjonata fl-2011 wara li xogħol ta’ kostruzjoni kien lest. Ix-xogħol kompla sal-2015 u fadal xi xogħol żgħir xi jsir.
Saħaq li minkejja t-tentattivi kollha tiegħu u ta’ martu biex tinħareġ invoice għax-xogħol, Redmap Ltd qalet li l-invoice se tintbagħat ladarba x-xogħol kollu jkun komplut. Qal li din is-sena reġa’ talab lil Redmap Ltd biex jibgħatu invoice u f’Marzu li għadda huma bagħtu invoice għal xogħol, li s-somma totali tiegħu hi kważi €34,000 u tinkludi l-VAT, liema somma tħallset kollha minnufih.
Temma billi qal li dan hu attentat ieħor tal-Prim Ministru biex jipprova jiddevja l-attenzjoni mill-allegazzjonijiet tal-korruzzjoni li qed jifnu lill-Gvern, b’rabta mal-iskandlu tal-Panama Papers u skandli oħra.

Reazzjoni Partit Laburista
B’reazzjoni l-PL qal li l-mistoqsija li kulħadd qed isaqsi hi li la x-xogħol beda seba’ snin ilu iżda għadu mhux lest, għalfejn Mario de Marco ħass li għandu jħallas wara r-riżenja tad-direttur tal-Allied Newspapers meta ħadd ma saqsa xejn dwar ix-xogħol ta’ de Marco fuq il-proprjetà tiegħu?
Saqsa kif la Mario de Marco qal li l-invoice se toħroġ wara li jitlesta x-xogħol, kif l-invoice ħarġet diġà meta x-xogħol għadu għaddej?