Wara li studja l-komunikazzjoni tax-xjenza u l-psikoloġija, Dun Christopher Bugeja, nhar it-Tnejn li ġej, flimkien ma’ disa’ djakni oħra se jiġi ordnat saċerdot. Għalih li tikkommunika x-xjenza u li tikkomunika lil Alla jmorru flimkien.
Waqt perjodu ta’ studju barra minn Malta, Dun Christopher beda jħoss ġewwa fih sejħa li joffri ħajtu għal Alla. Filwaqt li wħud jaraw ix-xjenza u r-reliġjon u l-ispiritwalità bħala għedewwa ta’ xulxin, Dun Christopher saħaq li hu, jinsab konvint li dawn imorru id f’id.
“Għalija, il-komunikazzjoni tax-xjenza hi importanti ħafna. Permezz tax-xjenza nista’ napprezza l-ħolqien kollu, ibda mill-iżgħar ħlejqa, batterju jew virus, sal-akbar annimal.” Dun Christopher saħaq li “l-komunikazzjoni tax-xjenza u l-komunikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla jmorru flimkien.”
Hu qatt ma ried isir qassis. Dun Christopher stqarr li fehem li kien fi proċess tul ħajtu. B’mod speċjali waqt l-istudji tiegħu barra minn Malta, seta’ japprezza li filwaqt li l-bniedem hu msejjaħ biex jifhem x’hemm madwaru u ġewwa fih, fl-istess ħin “parti minnu tiġbdu biex ifittex dak li hemm ‘il barra minnu, li jfittex lil Alla u din bdejt naraha li bdiet tikber fija.”
Dan wasslu biex jifhem li ma kienx imsejjaħ biex ixandar biss ix-xjenza imma biex ixandar dak li hu jiddeskrivih bħala aktar wiesa’ – il-Kelma ta’ Alla. Induna b’dan meta kien qiegħed imiss il-qiegħ. “Hemm sibt lil Alla jgħini, huwa dak li lili jżommni ħaj.”
“Bl-istess enerġija li biha mxejt mix-xjenza għall-qasam tal-komunikazzjoni tax-xjenza sabiex inkun nista’ naqsam ma’ ħafna l-ferħ tal-iskoperti u l-għarfien xjentifiku permezz tax-xandir, ta’ xows tax-xjenza, u taċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, issa wasalt ukoll biex naqsam il-ferħ tal-iskoperta ta’ Alla u tas-sejħa tiegħu… Fil-każ tiegħi, is-sejħa għas-saċerdozju.”
“Għalija Alla hu kollox, Alla hu ħniena u tama. Dan iż-żmien li qed ngħixu fih għinna niskopru li mingħajr it-tama ma’ nagħmlu xejn.”
10 saċerdoti ġodda
Nhar it-Tnejn, 29 ta’ Ġunju, Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal il-Ġdid, fis-6:30 p.m, ser issir l-Ordinazzjoni ta’ 10 saċerdoti ġodda. Dawn huma:

- Osmar Baldacchino mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi
- David Borg mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
- Christopher Bugeja mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat
- Andrew Camilleri, mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq (Moviment tal-Fokolari)
- Jonathan Debattista mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien
- Michael Debono, Kumpanija ta’ Ġesù (Ġiżwita)
- Damian John Formosa, Salesjan ta’ Don Bosco
- Jake Mamo, Salesjan ta’ Don Bosco
- Tony Pace mill-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi
- Paul Spiteri, Salesjan ta’ Don Bosco