“Qatt ma rċivejna għajnuna finanzjarja għax operawh f’Malta” – Omm Jacob

Omm Jacob Cachia qalet li minħabba li binha kien ħa l-kura li kellu bżonn f’Malta qatt ma rċevew l-ebda tip ta’ assistenza finanzjarja waqt li kien l-isptar.
Spjegat ukoll kif lanqas ma tħalliet tuża s-sick leave tagħha sabiex tkun viċin ta’ binha fi żmien daqshekk diffiċli.
Jacob għadda minn numru ta’ operazzjonijiet serji f’moħħu u kien spiċċa darbtejn l-ITU minħabba li kien attakkat minn infezzjoni rari fil-moħħ.
Sarah Cachia spjegat kif minkejja li l-flus kienu l-aħħar ħaġa fuq moħħhom meta binhom kien għaddej minn dan kollu, sostniet li bħal dejjem il-kontijiet, il-kera, u l-ispejjeż tal-ħajja ma waqfux, u għaldaqstant spiċċaw b’kont tal-bank xott għall-aħħar u jippruvaw jgħixu fuq il-ftit flus li kien għad baqalhom.
Fil-messaġġ tagħha, Sarah qalet kif f’dak iż-żmien tant diffiċli kienet għamlet kuntatt mas-Servizzi Soċjali sabiex tara tistax issib mezz ta’ kif tuża is-sick leave tagħha sakemm binha qiegħed l-isptar, iżda ma tħallietx. 
Din hija r-raġuni għalfejn fil-messaġġ tagħha talbet sabiex issir politika soċjali li tippermetti lil-ġenituri sabiex jutilizzaw is-sick leave tagħhom meta jispiċċaw f’ċirkustanzi daqshekk koroh.
Sarah sostniet li f’dan iż-żmien ma kienx biss binha li kien spiċċa l-isptar iżda l-familja kollha, hekk kif wara li fl-2013 qalulhom li binhom jista’ jerġa’ jgħaddi minn emorraġija oħra u hemm ċans li jmut kawża ta’ dan, xtaqu jibqgħu viċin tiegħu kemm jista’ jkun. 
Minkejja ż-żminijiet diffiċli li għaddew minnhom, saħqet li issa jinsabu ferm aħjar wara li ħadmu sabiex jerġgħu jibnu ħajjithom lura, iżda rrimarkat li għad hawn bosta familji, li tiltaqa’ magħhom permezz tal-għaqda mhux governattiva Survivors Malta, li għaddejjin minn esperjenzi simili bħalissa.
F’messaġġ imqanqal spjegat li ma tistax temmen kif għad m’hemm l-ebda tip ta’ sapport finanzjarju għal dawn il-familji li jieħdu l-kura f’Malta.