“Qatt ma kkomunikajt ma’ Fenech dwar l-assassinju” – Ivan Camilleri

Read in English.

Il-ġurnalist Ivan Camilleri ddikjara li hu qatt ma kkomunika ma’ Yorgen Fenech dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija mibgħuta lill-midja mill-avukat ta’ Camilleri, huwa stqarr li jħoss li tkeċċa mit-Times of Malta inġustament, peress li t-tkeċċija tiegħu hija bbażata fuq “suspetti” u “allegazzjonijiet,” u peress li ma ngħatax ċans jikkjarifika s-sitwazzjoni u jgħid x’inhi l-verità skontu. Skont il-MaltaToday, il-Pulizija sabet messaġġ fuq WhatsApp li Yorgen bagħat lil zijuh Ray Fenech, fejn issemma ċertu ‘Ivan’, li allegatament wissieh li hu persuna ta’ interess għall-Pulizija.

Camilleri qal li hu beħsiebu jieħu l-miżuri legali kollha neċessarji biex jipproteġi r-reputazzjoni tiegħu u biex jisfida t-tkeċċija tiegħu li hu sejħilha inġusta. Qal ukoll li qed jistenna li l-kumpanija tħallsu għad-danni.

Camilleri għamel 15-il sena jaħdem bħala ġurnalist mat-Times of Malta.