​“Qatt ma ħassejtni daqshekk disposable” – eks lekċerer

Eks lekċerer tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) qal li qatt ma ħassu daqshekk disposable minħabba l-mod kif ġie ttrattat mill-Università.
Il-lekċerer kiteb ittra anonima fuq is-sit Malti Isles of the Left dwar l-esperjenza tiegħu mal-AUM.
Spjega li tkeċċa waqt il-perjodu tal-probation b’mod abbużiv. Spjega li l-fatt li ġew impjegati nies oħra fi żmien ħmistax, nies li qal li kienu ‘serqu’ xogħol ħaddieħor (plaġjariżmu) u li gidbu dwar il-kwalifiċi tagħhom kienet bħal daqqa ta’ ħarta. Qal li spiċċa f’dipressjoni li qatt ma ħass qabel.
“Ma nistax niddeskrivi ix-xokk u d-disprament li ħassejt meta rċivejt il-korrispondenza li tkeċċejt”. Qal li l-Kap tal-Università kien kiser ukoll il-wiegħda li għamel li jirriżenja jekk jitkeċċew il-lekċerers.
Qal li ġie offrut xogħol f’Marzu tal-2017 b’salarju li kien id-doppju ta’ dak li wieħed jistenna f’pożizzjoni simili fl-Istati Uniti. Però, qal li kien hemm klawżola fil-kuntratt li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jitkellmu dwar ix-xogħol tagħhom.
Fl-ittra spjega kif hu u l-kollegi tiegħu biegħu d-djar tagħhom barra minn Malta biex ġew joqgħodu hawn bil-familja.
Elenka wkoll numru ta’ problemi bl-Univeristà:

  • Librerija bla kotba
  • Il-Kap John Ryder kien qed jagħmel ix-xogħol ta’ ħames persuni
  • Tkeċċa ħaddiem li marad
  • Il-kumpanija Sadeen kienet qed tispija fuq l-imejls tal-ħaddiema
  • L-istudenti u l-għalliema kienu jimirdu minħabba l-istat ta’ xi klassijiet
  • L-iżgħar klassi kellha student wieħed, l-akbar kellha għaxra

“Dak li kien qed jgħid il-pubbliku Malti għal snin issa huwa ċar. Din hija istituzzjoni fittizja” qal l-għalliem. L-għalliem appella biex issir investigazzjoni fl-istituzzjoni u f’min imexxiha.
 Ħames akkademiċi li kienu impjegati mal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) fetħu proċedura fil-Qorti fejn qed jallegaw li ġew imkeċċija b’mod inġust.
Fl-2016, il-Partit Laburista kien qal li l-AUM tfisser aktar opportunitajiet u impjiegi. Il-partit qal li l-Università kienet se tattira 4,000 studenti. 
F'Jannar, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet l-art ODZ li ngħatat lill-kumpanija Sadeen Education Investment Limited fl-2015 kellha terġa’ tmur lura għand il-pubbliku.
Ritratt: AUM