“Qatt ma ħasluha u mietet f’kuritur f’Mater Dei”

Għaddew għaxart ijiem minn meta miet l-ewwel pazjent f’kuritur f’Mater Dei din is-sena.
Ma' Newsbook.com.mt, Matthew*, wieħed mill-qraba tal-pazjenta, irrakkonta kif l-anzjana ta’ 83 sena daħlet l-isptar b’infezzjoni fil-pulmun u qattgħet madwar ħamest ijiem fil-kuritur.
Kompla jgħid li dakinhar li mietet, minbarra li ma kienx hemm l-apparat meħtieġ ma kinitx qed tingħata biżżejjed attenzjoni.
Matthew sostna li t-tobba u l-infermiera ma naqsux minn dmirijiethom, iżda l-fatt li kien hemm nuqqas ta’ spazju hija problema serja.
Kmieni filgħodu fl-20 ta’ Jannar, Matthew qal li ċemplulhom minn Mater Dei biex jgħidulhom li l-anzjana qalbet għall-agħar, u ftit wara reġgħu ċemplulhom biex jgħidulhom li mietet b’attakk tal-qalb.
L-anzjana kienet waħda mill-pazjenti li kienu fil-kuritur, u li lanqas kellhom qanpiena biex idoqqu f’każ ta’ bżonn. Kull ma kellha kien pajp tal-ossiġnu.
Bi spazju limitat u purtiera ma’ xi sodod għall-privatezza tal-pazjenti, Matthew qal li ma ħaslux lill-anzjana, iżda mesħuha biss.
Temm jgħid li bħal ma ġara fil-familja tiegħu, faċilment jista’ jiġri lil ħaddieħor, hekk kif il-kundizzjonijiet preżenti mhumiex ta’ sptar fl-2015.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, miet pazjent ieħor fil-kuritur fl-isptar.
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari tas-Saħħa qal li saret laqgħa mal-qraba tal-anzjana li qalu li sar kollox possibbli biex tissalva ħajjet din il-persuna.

*Matthew huwa isem fittizju.