“Qatt ma bsart li periklu nitfa’ ritratti tat-tfal onlajn”

Għall-ġenituri, Settembru jfisser iż-żmien meta t-tfal jerġgħu lura l-iskola. L-ewwel ġurnata lura l-iskola ħafna drabi tkun imżewqa b’ritratti meħuda fuq l-għatba tal-bieb tat-tfal huma u sejrin. Iżda għal tifla ta’ 4 snin mir-Renju Unit, żgur li mhux se jkun hemm ritratti fuq il-midja soċjali.

“Hemm biljuni ta’ ritratti tat-tfal hemm barra, qatt ma bsart li xi ħadd se jieħu interess f’tiegħi,” spjegat l-omm. “Kienet esperjenza tal-biża’. Ħassejt li dejjem xi ħadd qed isegwini.”

Meta t-tifla kellha sentejn, kien hemm stranġier li beda jiġbor ir-ritratti kollha tal-familja li omm it-tifla kienet ixxerred onlajn. Hu mbagħad reġa’ xerridhom fuq aktar minn 10 kontijiet foloz tal-midja soċjali, flimkien ma’ ritratti ta’ mudella tal-pornografija bl-istess isem.

L-omm qalet li kienet tħobb tieħu ritratti ħelwin lit-tifla u xxerridhom fuq il-kont tagħha ta’ Twitter. Darba indunat li stranġier kien qed jagħmel retweet ta’ dawn ir-ritratti. Ma setgħetx tagħrfu għax kellu ritratt ta’ karattru tal-kartuns, il-post mogħti kien il-Kanada u l-isem kien stramb, qisu vvintat. “Bgħatt messaġġ nistaqsi għaliex kien qed juża r-ritratti ta’ binti, imma qatt ma wieġeb.”

L-omm irrakkuntat kif hi ppanikjat, u bblokkjat lil dak il-kont, imma baqgħu jitfaċċaw kontijiet oħra, uħud fuq Twitter u oħrajn fuq Facebook, li bdew jużaw ir-ritratt tat-tifla tagħha bħala cover photo. Ma kienx fadlilha għażla oħra ħlief li tikkuntattja lill-Pulizija

Omm oħra rrakkuntat kif aċċettat it-talba għall-ħbiberija fuq Facebook ta’ aġenzija tal-immudellar. Ma bagħtitilhiex ritratti ta’ binha, iżda ġranet wara, bdiet tirċievi mijiet ta’ talbiet ta’ ħbiberija minn irġiel, li kellhom ritratti ta’ pornografija tat-tfal. Imbagħad sabet ritratti ta’ binha fuq il-kont promozzjonali tal-immudellar.

Studju riċenti sab li fir-Renju Unit hemm tal-anqas 80,000 pedoflu attiv fuq il-midja soċjali. Hashtag bħal #firstdayofschool2018 fuq Instagram tagħti lill-pedofli librerija vasta ta’ ritratti x’jaraw.

Teknika li għandhom ħabta jużaw dawn il-pedofli hi li jimmanipulaw ritratti tat-tfal billi jaqtgħu ras it-tfal u jeditjawha għal fuq ġisem għarwien jew stampa pornografika.

Ħafna ġenituri jaħsbu li m’huma jagħmlu xejn ħażin, speċjalment jekk jimmarkaw ir-ritratti bħala ‘privati’, iżda ma jirrealizzawx kemm hemm periklu.