Qatt kilt burger taċ-ċikkulata? Jaf issibha mingħand Burger King dalwaqt

Wara li tkun għamilt randan sħiħ ma tiekolx ħelu, burger taċ-ċikkulata jaf tinżillek għasel, u l-għajdut fis-suq tal-burgers huwa li l-Burger King se tkun qed toħroġ biċ-Chocolate Whooper.
Jekk din hix aħbar veritiera jew ċajta tal-ewwel t’April, il-filmat maħruġ minn Burger King iħallik bix-xewqa hekk kif din il-burger tikkonsisti f’biċċtejn panini taċ-ċikkulata u f’ċikkulata mixwija, bil-konfettura tal-larinġ tad-demm, roti taċ-ċikkulata bajda u weraq taċ-ċikkulata tal-ħalib, imżejjen bil-ġulepp tal-lampun u l-frak tal-vanilla fil-wiċċ.
Filwaqt li l-filmat jgħid li dan il-prodott se jasal daqt fis-suq lokali, jispiċċa bil-kelma maybe, bil-Malti forsi, u għaldaqstant iħallik bil-kurżita jekk din id-deżerta intix verament se ssibha fir-restoranti, u mhux sempliċiment xi ċajta tal-ewwel t’April.
Inti x’jidhirlek?