QATT għall-ewtanasja, suwiċidju assistit jew l-abbandun tal-morda

L-Arċisqof Vincenzo Paglia

Il-President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, l-Arċisqof Vincenzo Paglia tkellem dwar il-messaġġ tal-Papa Franġisku għall-Jum Dinji tal-Morda li fih il-Qdusija Tiegħu enfasizzat r-rispett tal-Knisja għall-ħajja, mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha.

“Fil-ħidma tagħkom għandkom dejjem tippromwovu d-dinjità tal-ħajja ta’ kull persuna u tiċħdu kull kompromess li jwassal għall-ewtanasja, is-suwiċidju assistit u t-tneħħija tal-ħajja, anke f’każi ta’ mard terminali”.

Il-Papa Franġisku għamel dan l-appell lill-professjonisti mediċi f’messaġġ għal Jum il-Morda li jkun ċelebrat fi Frar li ġej fejn insisti li “l-ħajja rridu nilqugħa, nipproteġġuha, nirrispettawha u nservuha mill-bidu sat-tmiem.

Dimensjoni sekulari

Skont l-Arċisqof Paglia, li din il-pożizzjoni espressa fil-messaġġ tal-Papa Franġisku qed issir dejjem aktar importanti u aċċettata mir-reliġjonijiet kollha u anke fuq dimensjoni sekulari.

F’intervista mar-Radju Vatikan, l-Arċisqof Paglia nnota li f’Ottubru li għadda r-rappreżentanti tar-reliġjonijiet monoteistiċi kienu għaddew lill-Papa Franġisku, dokument iffirmat minnhom kollha, li jikkundanna l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit filwaqt li fih jinkoraġizzu l-akkumpanjament tal-marid u l-kura paljattiva, dejjem u kullimkien.

Fl-istess żminijiet, istituzzjoni sekulari bħalma hi l-Assoċjazzjoni Medika Dinjija, ukoll esprimiet il-pożizzjoni tagħha kontra l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit.

Mons Paglia qal li hu ferm importanti għall-mediċina u t-tobba li jagħrfu sew id-dmir tagħhom. U fil-fatt il-Papa appellalhom  biex jaġixxu b’mod personalizzat mal-morda u mhux biss infejjquhom imma nieħdu wkoll kura tagħhom fid-dawl ta’ fejqan integrali uman. Anke meta ma nistgħux infejjqu, fundamentalment irrid nibqgħu qrib il-marid u ma nabbandunawhom qatt, speċjalment lil dawk li jkunu fl-aktar sitwazzjonijiet diffiċli u dgħajfa.

Kura paljattiva

L-Arċisqof qal li rridu naħarbu t-tentazzjoni li l-mediċina hi omnipotenti u meta din tfalli u ma twassalx għall-fejqan, inwaqqfuha.  Din hi pożizzjoni teknika bażata fuq l-effiċjenza imma maqtugħa milll-perspettiva umana.

Dwar l-oġġezzjoni tal-kuxjenza fejn jidħlu l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit, li l-Papa Franġisku tant jappoġġja, il-President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja qal li l-Assoċjazzjoni Medika Dinjija taqbel ma’ dan għax il-kuxjenza b’saħħitha tat-tabib hi ffurmata biex tfejjaq u mhux telimina l-ħajja.

L-Arċisqof Paglia qal li l-kura paljattiva qed  tkun promossa f’kull pajjiż minħabba l-biża’ mill-uġiegħ u s-solitudni.  Jekk din l-attitudni pożittiva nżommuha u nwarrbu l-biża’ mill-uġiegħ u s-solidtudni, ix-xewqa li nqassru l-ħajja negħlbuha. Il-kura paljattiva, temm jgħid il-Kardinal Paglia, tridna nakkumpanjaw u nkebbu l-ħajja ta’ min hu dgħajjef, f’libsa ta’ mħabba.