Qatluhom fl-2018 għax ġurnalisti – L-ewwel parti

L-għadd tal-ġurnalisti li nqatlu minħabba x-xogħol li kienu qed jagħmlu fl-2018 jidher li rdoppja din is-sena. Dan skont rapport maħruġ mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti (CPJ) bbażat fi New York.

Skont l-istatistika fuq is-sit tagħhom, jidher li propju sal-lum inqatlu total ta’ 53 ġurnalist, hemm 251 li qegħdin il-ħabs u 60 li ma jistawx jinstabu.

Min kienu dawn il-ġurnalisti?

  1. Carlos Domínguez Rodríguez

Rodríguez inqatel fit-13 ta’ Jannar fil-Messiku fl-età ta’ 77 sena. Hu kien jikteb indipendentament kemm għall-gazzetti tal-pajjiż kif ukoll fuq l-internet. Is-suġġetti li kien ikopri kienu jinvolvu l-korruzzjoni, kriminalità u l-politika. Hu nqatel waqt li kien qed isuq minn persuni mhux magħrufa. Hu twaqqaf mas-sinjali tat-traffiku fejn żewġ irġiel fetħu l-bieba tan-naħa tax-xufier, tawh 21 daqqa ta’ sikkina u ħallewh mejjet. Fil-karozza miegħu kien hemm erba’ qraba tiegħu li ma ġewx midruba.

  1. Jefferson Pureza Lopes

Lopes li kien jaħdem bħala preżentatur fuq l-istazzjon tar-radju Beira Rio FM inqatel f’Goiás fil-Brażil fis-17 ta’ Jannar. Lopes kien f’daru meta żewġ irġiel fuq muturi sparawlu waqt li kien qed jara t-televiżjoni. Ir-raġel li kellu 39 sena li kien frekwentament kritiku tal-politikanti fuq il-program tiegħu tar-radju, kien qed jaffaċċja ħafna theddid u forom oħra ta’ intimidazzjoni għal aktar minn sena qabel il-qtil tiegħu.

  1. Mohammad al-Qadasi

Al-Qadasi li kien fotografu għal Belqees TV u nqatel f’al-Khayami f’Yemen fit-22 ta’ Jannar. Hu nqatel għax inzerta kien fil-post fejn intlaqat minn missila li allegatament ġiet sparata mill-moviment ta’ Ansar Allah magħrufin bħala Houthis.

  1. Leslie Ann Pamela Montenegro del Real

Montenegro del Real inqatlet f’Acapulco fil-Messiku fil-5 ta’ Frar. Żewġ attakkanti mhux magħrufa sparaw lill-ġurnalista ta’ 36 sena. Hi kienet tmexxi blogg fuq Youtube u fost suġġetti kienet titkellem dwar il-politika u l-kultura. L-attakk seħħ fir-ristorant tagħha u tar-raġel tagħha. Hi intlaqtet minn żewġ tiri, wieħed f’wiċċa u ieħor viċin l-istonku.

  1. Abdul Rahman Ismael Yassin

Yassin li kien jaħdem għall-Uffiċju tal-Midja ta’ Hammouriyeh inqatel f’Hammouriyeh fis-Sirja fl-20 ta’ Frar. Yassin miet wara li sofra minn ġrieħi minħabba attakk mill-ajru fil-Lvant ta’ Ghouta ‘il barra minn Damasku. Dan skont l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Sirjani. Hu ntlaqat minn biċċiet tal-bomba li splodiet fiż-żona ta’ sptar waqt li kien qed jirrapporta dwar l-attakki mill-ajru.

  1. Ján Kuciak

Kuciak kien jaħdem għal Aktuality meta nqatel f’Velká Mača fis-Slovakkja fil-25 ta’ Frar. Hu nstab maqtul f’daru flimkien mat-tfajla tiegħu Martina Kušnírová kawża ta’ tiri. Il-ġurnalist qala’ tir f’sidru filwaqt li t-tfajla tiegħu qalgħet tir f’rasha.

  1. Bashar al-Attar

Al-Attar kien jaħdem għall-Uffiċju tal-Midja ta’ Arbin fis-Syria. Hu nqatel fl-istess pajjiż fit-12 ta’ Marzu. Hu ntlaqa minn attakk mill-ajru fil-Lvant ta’ Ghouta fis-Sirja waqt li kien qed jgħin vittmi li ntlaqtu minn attakk li kien għadu kemm seħħ ftit qabel.

  1. Kamel abu al-Walid

Al-Walid kien jaħdem bħala fotografu għall-Uffiċċju tal-Midja ta’ Jarabulus. Hu nqatel f’Afrin fis-Syria fid-19 ta’ Marzu kawża tal-ġrieħi li sofra wara li splodiet mina. Hu kien qed jirrapporta dwar l-akkwist ta’ Afrin mill-forzi Torok u l-armata Sirjana mmexxija mit-Turkrija.

  1. Leobardo Vázquez Atzin

Atzin kien ġurnalist onlajn ma’ Enlace Informativo Regional u nqatel fil-Messiku fil-21 ta’ Marzu. Hu nqatel minn persuni mhux magħrufa waqt li kien qiegħed f’ristorant. Fi Frar tal-istess sena, il-ġurnalist kien qed jikteb dwa il-korruzzjoni u l-kriminalità fost aħbarijiet oħrajn fir-reġjun.

  1. Obeida abu Omar

Omar kien jaħdem bħala ġurnalist għall-Aġenzija tal-Midja Damaski. Hu nqatel f’Ein Tirma fis-Sirja fil-21 ta’ Marzu. Hu ntlaqat meta seħħ attakk mill-ajru fuq il-Lvant ta’ Ghouta. Dan seħħ waqt li kien f’daru qed jirkupra minn ġrieħi li sofra fl-attakk mir-Russja.

  1. Navin Nischal

Nischal li kien jaħdem ġurnalist għall-gazzetta Dainik Bhaskar inqatel f’Arrah fl-Indja fil-25 ta’ Marzu. Hu nqatel wara li ttajjar minn SUV. Hu kien flimkien ma’ ġurnalist ieħor indipendenti fuq mutur meta SUV tajjarhom minn wara u baqa’ sejjer.

  1. Sandeep Sharma

Sharma li kien jaħdem bħala ġurnalist għall-istazzjoni tat-televiżjoni News World fl-Indja. Hu kien qed isuq mutur fis-26 ta’ Marzu meta trakk daħal ġo fih u għadda minn fuqu. Hu kien ittieħed l-isptar madanakollu miet ftit tal-ħin wara. Hu kien fi triqtu biex jirrapporta dwar avveniment tal-Gvern.

  1. Yaser Murtaja

Murtaja kien jaħdem bħala fotografu u producer għal Ain Media fl-Iżrael. Hu nqatel f’Khan Yunis f’art okkupata mill-Palestinjani fis-7 ta’ April. Hu kien qed jirrapporta protesti meta intlaqat minn tir f’żaqqu. Hu miet l-għada kawża tal-ġrieħi li sofra.