Qatgħa xagħar b’xejn lil tfal morda u l-ġenituri tagħhom

Sptar f’Chicago fl-Istati Uniti ħareġ b’inizjattiva biex inissel kunfidenza fost it-tfal morda w il-ġenituri tagħhom. Dan billi mill-istess sptar beda jopera salon tax-xagħar u l-għan tiegħu hu li jipprovdi qatgħa xagħar b’xejn lil tfal morda kif ukoll lill-ġenituri tagħhom.

Għalkemm għal ħafna li qed jaqraw din il-qatgħa xagħar, jew inkella li jingħataw trattament jew stil f’xagħrhom, kważi ma tfisser xejn, dawk li qed jibbenefikaw minn din l-inizjattiva għandhom kliem ta’ tifħir għall-Lurie’s Children’s Hospital li jinsab f’Chicago, fl-Istati Uniti.

Filwaqt li l-isptar huwa mgħammar bl-apparat u tgħamir neċessarju li kull salon ikollu bżonn, is-servizzi fih jingħataw b’mod volontarju mill-istilista tax-xagħar Eli Winters.

Dan is-salon huwa parti mill-Family Life Centre fi ħdan l-istess sptar, li joffri wkoll għadd ta’ attivitajiet għat-tfal u l-familji tagħhom, minħabba li prattikalment il-ġenituri jkunu qed iqattgħu ħafna ħin, jekk mhux lejl u nhar ma’ uliedhom fl-isptar, minħabba li l-kundizzjoni tal-marda tagħhom jagħmilha diffiċċli biex jimmovimentaw minn post għall-ieħor.

Winters tmur tagħti s-servizz tagħha darba fil-ġimgħa. Minn qabel ikollha lista ta’ appuntamenti, u saħansitra tilqa’ wkoll lil dawk li jitfaċċaw tal-aħħar minuta.

Fil-ġranet l-oħra, meta Winters ma tmurx, il-pazjenti jistgħu jużaw is-siġġu u s-sink biex jaħslu xagħrhom.

L-aktar li jagħmlu użu minn dan huma l-pazjenti li jkunu friski minn xi operazzjoni u ma jistgħux jixxarba f’xi banju jew xi xower.

Fl-istess salon hemm ukoll siġġu u mejda tal-massaġġi, u s-servizzi wkoll jingħataw b’xejn darbtejn fix-xahar minn terapisti li wkoll toffri b’xejn is-servizzi tagħha.

Kelliema għall-isptar innutaw li f’bosta sitwazzjonijiet, dawk li jkunu qed iduru bi qrabthom li jkunu rikoverati, ma jkunux wisq iridu jitbegħdu minn ħdejhom, imma huma jħeġġuhom li biex ikunu jistgħu jgħinu lil dawn il-pazjenti, l-ewwel ma jridu jagħmlu huwa li jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Għalhekk b’dawn is-servizzi b’xejn li qed joffru, qed jippruvaw jagħmlu differenza mhux biss f’ħajjet il-pazjenti tagħhom iżda wkoll f’żajjet il-ġenituri, qraba jew inkella persuni li jkunu qed jieħdu ħsiebhom.