Qatel lil martu għax kelmet lil zijuha fil-Magħtab

Edward Attard, li għal snin twal kien jaħdem fuq il-pubblikazzjonijiet tal-Pulizija, irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt każ ta’ omiċidju li seħħ ‘il fuq minn 100 sena ilu, fejn raġel qatel lil martu għax kelmet lil zijuha fil-Magħtab. Hu mbagħad kien ingħata l-piena tal-mewt u nqatel bil-forka.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Attard irrakkonta waħda mill-istejjer li ltaqa’ magħhom meta kien qed jiġbor kumpilazzjoni tal-omiċidji kollha li saru f’Malta mill-1800 sal-lum. Din l-istorja partikolari seħħet fl-1899 u jikklassifikaha bħala qtil li seħħ wara karriera ta’ vjolenza domestika.

Irrakkonta kif ir-raġel li kellu biss 24 sena kien kompletament maħkum mill-għira tant li lill-martu ma kien iħalliha tkellem u lanqas issellem lil ħadd, speċjalment jekk dan kien ikun raġel. Kompla jgħid kif darba minnhom kienet xejjret u waqfet tkellem lil zijuha, liema att wassal lir-raġel tagħha sabiex jisparalha u joqtolha fuq il-post.

Attard kompla jgħid kif dan kien l-unika raġel f’Malta li ngħata l-piena tal-mewt bil-forka għax qatel lil martu. Hu insista li l-għira hija forma ta’ vjolenza domestika.

L-intervista ġiet ftit jiem wara li żewġ nisa bdew kumpilazzjoni estensiva ta’ każijiet ta’ nisa li nqatlu vittmi ta’ vjolenza domestika u femiċidju f’pajjiżna mill-1981. Il-lista bdiet tiġi kkumpilat hekk kif il-ġimgħa li għaddiet seħħ ir-raba femiċidju f’Malta għal din is-sena, fejn Lourdes Agius inqatlet f’Raħal Ġdid. Is-sieħeb tagħha qed jiġi akkużat bil-qtil tal-omm ta’ sitt itfal.