Qassis Taljan jagħti ħajtu biex jgħix ħaddieħor

REUTERS/Flavio Lo Scalzo/File Photo

Don Giuseppe Berardelli, qassis Taljan ta’ 72 sena minn Casnigo, qrib Bergamo, belt fil-qofol tal-kriżi tal-coronavirus fil-pajjiż, ta eżempju mill-isbaħ ta’ altruiżmu, meta ċeda l-apparat li minnu seta’ jieħu n-nifs, li l-komunità ekkleżjastika lokali kienet xtrat proprju għalih. Huwa prefera li dan l-apparat jintuża minn persuna iżgħar minnu, li wkoll kien infettat bil-Covid-19, persuna li l-qassis lanqas biss kien jaf personalment.

Ħaddiem tal-kura tas-saħħa fid-dar ta’ kura residenzjali San Giuseppe u li kien xhud ta’ dan il-ġest qasam l-emozzjoni tiegħu quddiem din l-esperjenza: “Don Giuseppe miet bħala qassis. Ninsab kommoss mill-fatt li dan il-bniedem minkejja li hu l-arċipriet ta’ Casnigo, minn jeddu għadda l-apparat li seta’ salvalu ħajtu lil ħaddieħor u b’hekk salva ħajja oħra”.

Don Giusepe miet fl-Isptar ta’ Lovere. S’issa 30 qassis tilfu ħajjithom fl-Italja bħala riżultat tal-pandemija Covid-19, 16 minnhom fid-djoċesi ta’ Bergamo biss.

Fr James Martin, Ġiżwita prominenti, qasam din l-istorja ta’ qsim il-qalb fuq Twitter u ddeskriva lil Berardelli bħala Martri tal-Karità u “qaddis bħal San Massimljano Kolbe, li f’Auschwitz offra ħajtu flok raġel ikkundannat li kellu familja, u nqatel fuq il-post”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn