Qassis qed jinħeba għax iridu joqtluh talli kkritika lil Duterte

Dun Amado Picardal: iridu joqtluh għax jikkritika lil Duterte

Qassis fil-Filippini li kemm il-darba kkritika l-qtil mingħajr proċessi ġudizzjarji fil-pajjiż qed ikollu jinħeba wara li numru ta’ drabi lemaħ membri ta’ skwadra tal-qtil, ifittxuh.

Fr. Amado Picardal ilu 20 sena jippriedka kontra dan il-qtil fil-Filippini u riċentement dawwar il-kritika tiegħu fuq il-President Rodrigo Duterte u l-gwerra brutali li qed jagħmel kontra d-droga. Hu għen biex titħejja kawża quddiem il-Qorti Internazzjonali kontra skwadra tal-qtil li hi prominenti fil-pajjiż.

Il-ħidma tiegħu issa għamlitu mira u jridu jeliminawh. Hu sar jaf bit-theddid kontra ħajtu fl-2017 u reġa’ kien imwissi f’Marzu ta’ din is-sena imma ħaseb li kien fis-sigur għax qed jgħix bħala eremita fuq il-muntanji.

Fis-26 ta’ dan ix-xahar, Fr Picardal kiteb li “Qabel tlaqt minn Manila f’Marzu biex nibda ħajja ta’ eremit, irċivejt messaġġ bil-miktub minn sors affidabbli li qalli li jien verament kont imfittex mill-iskwara tal-mewt biex joqtluni.”

“Antiċipajt li jekk kienu jafu li qed ngħix f’Cebu – gżira ftit il-bogħod minn Manila – l-ewwel post fejn ifittxuni kien ikun il-Monasteru Redentorista li hemm f’din il-gżira u bqajt kunfidenti li mhux se jsibu fejn qed ngħix bħala eremit fil-muntanji.”

F’dawn l-aħħar xhur, nies mill-imsemmi monasteru qalu li raw nies fuq il-muturi, b’wiċċhom mgħammad u armati, jittlajjaw quddiem il-monasteru. Il-ġardinar tal-post resqu fuqu żewġ persuni mhux magħrufa u staqsew għall-qassis. In-nies tas-sigurtà tal-monasteru  infurmawh li fil-11 ta’ dan ix-xahar, sitt persuni bil-muturi baqgħu quddiem id-dħul tal-monasteru għal siegħa sħiħa bejn il-5.00 u s-6.00 ta’ filgħaxija.

“Dan kien il-ħin li normalment kont noħroġ biex immur is-supermarket jew fil-ħanut tal-kafe. Għalhekk malajr ikkonkludejt li dawn kien n-nies tal-iskwadra tal-mewt qed ifittxuni. Kieku dakinhar ħriġt dak il-ħin mill-monasteru ma kontx neħlisa.”

Għalhekk Fr. Picardal kellu jfittex post ieħor biex ikompli bil-ħajja ta’ talb u kitba kontra l-qtil arbitrarju. “Jekk jaqbduni lest li mmut martri, iżda dan ma nixtiequx u mhux se jkun faċli li jsibuni,” qal is-saċerdot.

“Iddeċidejt li temporanjament nitlaq mill-post fil-muntanji u nkompli ngħix ħajti fis-silenzju, is-solitudni, it-talb u l-kitba f’post aktar sigur. Se nkompli nitkellem kontra l-ħażen fis-soċjetà permezz tal-kitba u nitlob u nsum biex Alla jeħlisna minn dan il-ħażen.”

F’dawn l-aħħar xhur mill-inqas tliet saċerdoti nqatlu fil-Filippini fejn il-Knisja tkellmet ripetutament kontra l-vjolenza mħallsa mill-Gvern. Qassin kattoliċi offrew il-knejjes li jmexxu bħala refuġju għal dawk li jaħsbu li huma fil-mira tal-pulizija jew l-iskwadri tal-mewt.