Qassis Malti jitkellem dwar is-sistema ta’ politika korrotta fil-Brażil

“Is-sistema politika Brażiljana minn dejjem kienet korrotta – m’hiex xi ħaġa ġdida li għamel Lula Da Silva”, qal Fr John Xerri waqt intervista’ esklussiva.
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, Fr John tkellem fuq is-sitwazzjoni tal-Brażil fejn ilu jagħmel xogħol missjunarju hemmhekk għal erbgħin sena, kif ukoll jaf lil ex-President.
Lula da Silva bħalissa għaddej minn skandlu li jista' jiswielu l-karriera, xi ħaġa li hu jsostni li mhux se tiġri u mhux se jitlaq minn fost il-poplu tiegħu. 
Luiz Inácio Lula da Silva, li huwa favorit kbir tan-nies wara li l-gvern tiegħu ħa diversi inizjattivi biex iqassam aħjar il-ġid fil-Brażil, pajjiż li d-differenzi bejn ‘min għandu’ u ‘min m’għandux’ huma enormi.
Fr John Xerri jaf lil ex-President peress li ħadem fis-segretarjat tal-partit, u kif ukoll jaf qassis ieħor li huwa ħabib kbir ta’ Lula.
Għalkemm kien hemm kritika li Lula tejjeb il-qagħda tal-fqir finanzjarjament, mingħajr ma’ għen biex itejjeb l-edukazzjoni, Fr John qal li din il-kritika għandha raġuni biss bin-nofs. Dan għaliex il-partit ta’ Lula żied n-numru ta’ Universitajiet u allura ippermetta li jiżdiedu n-nies li jedukaw ruħhom.
Fuq il-fatt li Da Silva ttella’ l-Qorti, Fr John kull ma kien jaf hu li “ġie kkundannat”. Il-Brażil, sakemm persuna tistenna l-kundanna, ikun diġà l-ħabs, u għalkemm Da Silva appella biex ma jsirx dan, ħarġet l-ordni tal-arrest tiegħu.