Qassis maħtuf fin-Niġeria u ieħor għeb fiċ-Ċina

Fr. Christopher Ogaga

Father Christopher Ogaga inħataf nhar is-Sibt li għadda filgħaxija waqt li kien qed jivjaġġa bejn Okpe lejn Warri fejn il-Ħadd filgħodu kellu jiċċelebra quddiesa fil-knijsa ta’ Omm ir-Redentur. Min ħatfu qed jitlob is-somma ta’ 15-il-miljun Naira – madwar $40,000.

Fr. Ogaga hu wkoll il-Kappillan tal-Knijsa ta’ San Luqa u l-Knisja ta’ San Ġuda it-tnejn f’Okpe. Il-ħtif tas-saċerdot seħħ fl-istess distrett fejn  nhar il-Ħadd 2 ta’ Settembru iġġarfet knisja u ħalliet tifel ta’ 11-il sena mejjet u diversi persuni oħra feruti.

Għal xi snin, saċerdoti u reliġjużi kienu fil-mira ta’ gruppi kriminali fin-Niġerja li jaħtfuhom u jitolbu flus għall-ħelsien tagħhom. F’Jannar li għadda l-Isqfijiet Niġerjani kkundannaw “il-pjaga tal-ħtif ta’ persuni li laħqet livelli allarmaneti.” Huma qalu li “jum wara l-ieħor, persuni jinħatfu, jkunu umiljati u trawmatizzati minn gruppi armati sa snienhom. Dawn huma nies bla ħniena. Fil-kilba tagħhom biex jiksbu aktar flus jissuġġettaw lill-vittmi  għal vjolenza kbira għal ġimgħat u xhur.”

Sadattant, qed isir talb għal qassis Ċiniż li ilu nieqes għal madwar tmien xhur. Fr. Lu Danhua kien arrestat  minn uffiċjali tal-Bureau tal-Affarijiet Reliġjużi ta’ Qingtian waqt li kien fid-dormitorju tas-saċerdoti tal-Knisja Kattolika fil-provinċja ta’  Zhejiang, f’Diċembru li għadda u baqa’ ma deherx.

L-Isqof Peter Shao Zhumin beda sawma u quddiesa għall-ħarsien ta’ Fr. Lu, fid-29 ta’ kull xahar, il-ġurnata li s-saċerdot ġie nieqes. L-Isqof u membri oħra tal-Knijsa diversi drabi staqsew lill-awtoritajiet dwar il-qassis i#da baqgħu bla risposta.

L-Isqof Shao innifsu kien ittieħed mill-awtoritajiet tal-pajjiż f’Mejju tas-sena li għaddiet iżda nħeles f’Jannar li għadda wara li sr ħafna talb għalih mill-insara fid-djoċesi ta’ Wenzhou.

Fr. Lu hu l-uniku qassis fid-djoċesi ta’ Lishui.  Hu kien jieħu ħsieb il-knejjes f’ħames lokalitajiet tad-djoċesi tiegħu u kien jgħin ħafna lill-batuti u jwettaq ħidma pastorali b’entusjasmu.

Meta ttieħed mill-awtoritajiet dawn qalu li rieduh għal diskursata qasira iżda issa ilu nieqes tmien xhur u sejħiet fuq it-telefon ċellulari tiegħu ma jkunux imwieġba. Aktar tard l-awtoritajiet qalu li Fr. Lu ittiħed Wenzhou biex jistudja regoli reliġjużi ġodda u jirritorna fil-parroċċa tiegħu wara li jirreġistra legalment.