Qassis Kattoliku mill-Armenia u missieru maqtula mill-ISIS fis-Sirja

Il-qassis Kattoliku Armen li nqatel flimkien ma' missieru fis-Sirja

Persuni armati sparaw u qatlu qassis Kattoliku mill-Armenia u lil missieru li kienu għaddejjin f’karrozza fit-Tramuntana tas-Sirja. L-ISIS ħadu responsabbiltà għal dan il-qtil.

Father Hovsep Bedoyan, Kap tal-komunità Kattolika Amrena tal-belt ta’ Qamishli – li għandha maġġoranza Kurda – u tinsab fuq il-fruntiera mat-Turkija, flimkien ma’ missieru Abraham Bedoyan, kienu sejrin lejn il-provinċja ta’ Deir Al-Zor, meta sfaw attakkati.  L-inċident seħħ nhar it-Tnejn li għadda.

Djaknu ferut

Jingħad li l-qassis u missieru kienu sejrin jaraw xogħol ta’ restawr fi knisja f’Deir Al-Zor. Persuna oħra, djaknu li kien magħhom, safa ferut f’dan l-attakk.

Nhar it-Tnejn ukoll, żewġ attakki bil-bombi f’Qamishli, wieħed minnhom qrib knisja, qatlu sitt persuni u ferew 22 oħra.

Il-komunità Kattolika Armena fis-Sirja hi waħda żgħira imma għandha storja twila billi kienet rikonoxxuta uffiċjalment fl-1742. Illum għandha madwar 600,000 membru. Hi Knisja awtonoma imma f’għaqda sħiħa mal-Isqof ta’ Ruma, li hu l-Papa.

Qabel faqqgħet il-gwerra Ċivili, fis-Sirja kien hemm jgħixu madwar 100,000 Armen li l-parti kbira tagħhom kienu joqgħodu f’Aleppo. Mal-gwerra, ħafna minnhom telqu u rritornaw lejn l-Armenia.

L-ISIS ippersegwitaw lill-insara u meta kellhom f’idejhom partijiet kbar mill-Iraq u s-Sirja ġiegħlu lil mijiet ta’ eluf ta’ persuni jaħarbu minn djarhom.

Qassisin u reliġjużi maqtula

Father Bedoyan hu l-aħħar wieħed f’lista twila ta’ qassisin u reliġjużi li nqatlu jew sparixxew minn meta bdiet il-gwerra fis-Sirja. Fosthom kien hem mil-Ġiżwita Olandiż Frans Van der Lugt, li kienu sparawlu f’Homs fl-2015 u l-Patri Franġiskan Francois Murad li l-ISIS kienu qatgħulu rasu fl-2013.

Fost dawk li kienu nħatfu u ħadd ma jaf x’sar minnhom hem mil-Ġiżwita Paolo Dall’Oglio li sparixxa f’Raqqa fl-2013; żewġ Isqfijiet Ortodossi u qassis Armen ieħor, Fr Michael Kayyal u qassis Ortodoss Mr. Maher Mahfuz, li t-tnejn inħatfu f’Aleppo.