Qassis jappella lill-parruċċani biex ma jweġbux b’rabja wara attakk fuq knisja

Għamara tal-knisja u statwi mkissra u mogħtija n-nar (Credit: 24horascl)

Qassis li l-knisja li jmexxi fiċ-Ċile kienet attakkata u miksija bi stampa sataniċi u graffiti minn persuni mgħammda li daħlu fiha u farrku u taw in-nar, appella lill-parruċċani biex ma jweġbux għal dan l-attakk, b’rabja.

Id-dimostranti daħlu fil-Knisja tal-Assunta fil-kapitali Santiago, taw n-nar il-bankijiet, statwi u kwadri sagri oħra u ħarġuhom barra t-triq biex iservuhom bħala barrikati kontra l-pulizija li ssejġu fil-post.

Wara dan l-attakk, il-Kappillan, Fr Pedro Narbona, li hu wkoll l-Asstent Ekklesjastiku ta’ Aid to Church in Need taċ-Ċile, appella lill-parraċċani biex “ma jaqgħux fiċ-ċiklu tal-mibegħda li jispiċċa javvelena r-ruħ”.

Hu qalilhom: “Il-Knisja mhux mibnija minn materjal fiżiku, imma minn ġebel ħaj, li hu aħna. Aħna l-ġebel ħaj tal-Knisja u din hi verità fundamentali”.

L-attakk fuq il-knisja tal-Assunta – wieħed minn sensiela ta’ attakki fuq knejjes fiċ-Ċile, sar waqt protesti li qed ikun hemm fil-pajjiż wara li l-Presidnet Sebastian Pinera ddeċieda li jgħolli l-prezz tal-biljetti tas-subway.

Ġimgħa qabel, kien hemm attentat ieħor fuq l-istess knisja iżda l-Kappillan irnexxielu jsejjaħ l-iskwadra tat-tifi tan-nar, fil-ħin biex Evita li tinħaraw il-knisja.

Il-knisja ta’ Vera Cruz f’Santiago, il-Kattidral ta’ Vilparaiso u l-knisja parrokkjali ta’ Santa Tereża li tinsab f’Punta Arenas, ukoll kienu attakkati f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Maria Covarrubias, Direttur Nazzjonali ta’ Aid to Church in Need taċ-Ċile filwaqt li esprimiet il-biża’ tagħha wara dan l-attakk qalet li “ninsabu mħassba ħafna bil-vjolenza ta’ dawn l-aħħar jiem kontra l-Knisja.

“Assistejna għal attakk ta’ desakrazzjoni ieħor kontra parroċċa Kattolika. F’dan iż-żmien diffiċli nappellaw għat-talb għall-paċi f’dan il-pajjiż u nitolbu ‘l Alla jikkonverti l-qlub ta’ dawk li wettqu dawn l-atti kundanabbli”.

 Il-protesti fil-pajjiż issa ilhom sejrin tliet ġimgħat u fihom diġa’ nqatlu 20 persuna. Barra minn dawn, is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar tistma li madwar 2,500 persuna oħra sfaw feruti.

Il-Konferenza Episkopali taċ-Ċile barra milli esprimiet is-solidarjetà tagħha mal-membri tal-parroċċa, kkundannat dan l-attakk u qalet li “Attakk fuq tempji u postijiet tat-talb, bla ebda rispetto lejn Alla u lejn dawk li jemmnu, inikktuna ħafna. Il-vjolenza ma tħalliniex nagħtu l-attenzjoni xierqa għax-xewqa tal-maġġoranza tal-poplu Ċilen li hu għatxan għal soluzzjonijiet paċifiċi veri”.