Qassis Irlandiż b’mod innovattiv kif iżomm kuntatt mal-parruċċani

JOHN LOGAN/via REUTERS

Read in English.

Qassis Iralndiż sab mod innovattiv kif iżomm il-kuntatt mal-parruċċani tiegħu, anke fiż-żmien tal-lockdown minħabba l-coronavirus. Dan għamlu billi uża ‘popemobile’ antika biex isuq madwar il-villaġġ tiegħu u jagħti l-barka ta’ Ħamis ix-Xirka.

Dun Malachy Conlon saq madwar il-villaġġ rurali tiegħu fil-vettura mingħajr saqaf li għandha lqugħ mad-dawra li s-soltu tintuża waqt żjarat tal-Papa meta jsiefer u jżur pajjiżi differenti madwar id-dinja, u b’hekk hu seta’ jagħti l-barka lill-parruċċani li ħarġu fit-toroq biex isellmulu.

Il-vettura li uża Conlon kienet intużat  mill-Papa Ġwanni Pawlu II meta żar ir-Renju Unit u l-Afrika t’Isfel fis-snin 80. Wara nxtrat minn parruċċan lokali, u kienet qed tinżamm f’maħżen, il-qassis qal lil Reuters.

Fis-27 ta’ Marzu l-Irlanda ordnat lockdown tal-anqas sa nhar il-Ħadd li ġej biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-virus, imma Conlon talab lill-kongregazzjoni tiegħu biex jibqgħu fi djarhom għall-Għid u minflok joħorġu fit-triq biex b’hekk jirċievu l-barka xorta waħda.

“Il-kunsill pastorali kien qed jiddiskuti modi kif nistgħu nibqgħu qrib in-nies f’dawn iż-żminijiet diffiċli, u sakemm konna qed niddiskutu żviluppat din l-idea. Kienet deċiżjoni spontanja,” Conlon qal wara vjaġġ ta’ sitt sigħat fix-xemx madwar iż-żona tal-parroċċa mal-kosta fil-Grigal tal-Irlanda.

“Ħarġu ħafna nies, kienet esperjenza tassew emozzjonanti. Qatt ma rċevejt messaġġi daqs kemm irċevejt illum, in-nies tassew apprezzaw dan il-ġest u ħassew l-għaqda bejniethom, minkejja li żammejna ‘l bogħod minn xulxin.”