Qassis iqarar f’parkeġġ fil-Polonja

Adam Stepien/Agencja Gazeta via REUTERS

Read in English.

Fil-Polonja, qassis iddeċieda li jibda jisma’ l-qrar tal-parruċċani tiegħu fiż-żona tal-parkeġġ tal-knisja tiegħu f’Varsavja, il-kapitali tal-Polonja, hekk kif il-pandemija tal-coronavirus qed ixekkel wieħed mir-ritwali meqjusa l-aktar importanti għall-Kattoliċi fil-ġimgħa qabel l-Għid Imqaddes.

Bilqiegħda fuq siġġu, u liebes maskla tal-wiċċ, Fr Mateusz Kielarski jisma’ l-qrar tal-parruċċani tiegħu u jtihom l-assoluzzjoni waqt li huma jixirfu rashom mit-tieqa tal-karozza tagħhom.

“Mill-protezzjoni tal-karozza tagħhom, huma jieħdu ħsieb ruħhom waqt li jipproteġu lilhom infushom mill-mikrobi f’dan il-perjodu speċjali,” qal lil Reuters.

Eluf ta’ Kattoliċi madwar id-dinja qed iħejju ruħhom biex minn nhar il-Ġimgħa jibdew jiċċelebraw il-festi tal-Għid, waħda mill-aktar festi importanti fil-kalendarju Kristjan, fost limitazzjonijiet stretti imposti minn gvernijiet fuq il-ħajja pubblika u l-attendenza fil-knejjes biex jippruvaw jikkontrollaw il-firxa tal-pandemija.

Fil-Polonja, wieħed mill-aktar pajjiżi devoti fl-Ewropa, ma jistgħux jinġabru aktar minn żewġ persuni flimkien fl-istess ħin, u ħames persuni biss jistgħu jattendu l-quddies. Skejjel, ristoranti u diversi ħwienet huma magħluqa taħt miżuri stretti implimentati mill-gvern biex iwaqqaf l-imxija tal-virus, li s’issa qatel aktar minn 100 persuna fil-pajjiż. 

Kielarski qal li għalkemm il-qrara tista’ tidher bħala waħda pubblika, din xorta waħda tista’ tkun esperjenza intima.  “Hemm biżżejjed distanza biex wieħed ikun diskret,” huwa spjega.

Ta’ spiss il-knejjes fil-Polonja jorganizzaw sessjonijiet matul il-lejl sabiex jakkomodaw lil dawk kollha li jkunu jridu jqerru qabel l-Għid, matul il-Ġimgħa Mqaddsa. Jekk tkun ta’ suċċess, is-soluzzjoni ‘drive-in’ ta’ din is-sena tista’ tkun ripetuta fil-futur, qal Tadeusz Aleksandrowicz, kappillan fit-Tempju tal-Providenza Divina, waħda mill-akbar knejjes f’Varsavja, fejn Kielarski iservi lill-parruċċani tiegħu.

Szymon, ġuvni ta’ 23 sena minn Varsavja, qal li din hija idea tassew tajba. “Forsi tixbaħ xi ftit id-drive in ta’ McDonalds, imma ma kontx qed naħseb f’dan matul il-qrara,” qal iż-żagħżugħ. “Dak li hu importanti huwa l-mument tal-qrar, u mhux il-post fejn dan isir, jekk hux katidral, fin-natura jew ġewwa karozza.”