Qassis Għawdxi jista’ jkun iddikjarat qaddis

Infetaħ uffiċċjalment il-proċess tal-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard.
F’quddiesa lbieraħ filgħaxija fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fetaħ uffiċjalment l-inkjesta Djoċesana biex Dun Mikiel Attard, mid-Djoċesi ta' Għawdex, għad ikun iddikjarat qaddis.
Fil-quddiesa, il-Postulatur tal-Kawża Patri Tony Sciberras talab uffiċjalment lill-Isqof biex iwaqqaf it-Tribunal u jagħti bidu għall-Proċess Djoċesan.  Wara, il-Kanċillier tal-Kurja Mons. Salv Debrincat qara d-Digriet tal-Isqof li bih ħatar il-membri tat-Tribunal.
B’hekk issa tkun tista' tinstema’ x-xhieda dwar Dun Mikiel Attard. Se jkunu 65 persuna li se jidhru quddiem it-Tribunal biex jagħtu x-xhieda tagħhom f’din il-kawża.
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof t’Għawdex tkellem dwar kif il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard, li hu, bħal ħafna saċerdoti oħra, jiftakru direttur spiritwali tiegħu fis-Seminarju u kompla jsegwih anki fil-ħajja saċerdotali tiegħu.
Mons. Mario Grech semma kif il-predeċessur tiegħu Nikol Ġ. Cauchi kien iħobb jgħid li f’Għawdex hemm ħafna “saċerdoti kanonizzabbli”.
Dun Mikiel Attard kellu devozzjoni kbira lejn Ġesù Ewkaristija u lejn il-Madonna Ta’ Pinu filwaqt li għen ħafna biex l-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II jiġi mifhum u aċċettat fil-Knisja lokali.  Huwa miet b’fama ta’ qdusija fit-30 ta’ Lulju 2004.