Qassis Għawdxi għall-missjoni fil-Gwatemala

Dalgħodu, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech ta l-Mandat Missjunarju lil Dun Mario Curmi, mill-parroċċa tax-Xagħra li fi ftit ġimgħat oħra se jibda l-ministeru pastorali tiegħu fil-Knisja tal-Gwatemala fl-Amerka Ċentrali.

Waqt li tah is-Salib tal-Missjunarju, l-Isqof Grech qal li propju mill-bidu nett tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu, Dun Curmi kien esprima x-xewqa li jkun missjunarju. Spjega kif wara sentejn ta’ formazzjoni akkademika u esperjenza pastorali fi Spanja, il-fjamma tax-xewqa baqgħet ħajja.

L-Isqof spjega li bosta ma jifhmux għaliex qed jilqa’ x-xewqa tal-qassis żagħżugħ hekk kif jaħsbu li hemm bżonnu fil-parroċċa, madanakollu nsista “li meta l-Knisja tagħna tingħalaq fil-kumdità, dan ma jkunx ħlief suwiċidju bil-mod il-mod”. Spjega li kif jgħid il-Papa Franġisku, is-sejħa tibqa’ dik li noħorġu mill-kumditajiet tagħna u jkollna l-kuraġġ li nilħqu l-periferiji kollha li għandhom bżonn id-dawl tal-Vanġelu.

Sostna li x-xewqa ta’ Dun Curmi hija xewqa tal-Knisja f’Għawdex u li l-mandat missjunarju huwa barka għall-Knisja fil-Gwatemala li se tilqgħu imma huwa wkoll grazzja għall-Knisja f’pajjiżna.

“Flimkien ma’ sħabek is-saċerdoti Għawdxin li jinsabu fil-missjoni, intom mhux biss tkomplu tkebbsu l-ħeġġa u l-imħabba li l-poplu tagħna għandu għall-missjoni, imma bl-għażliet, xi drabi erojċi, li intom tagħmlu għal Kristu u l-foqra, intom tagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet tagħna u tgħinuna nkunu Knisja awtentika u kredibbli,” insisita l-Isqof Grech.